L-1 Ħadd tal-Avvent - It-Tama

Il-girlanda tal-Avvent fil-Knisja tan-Naxxar - Daniel Attard

Il-messaġġ tal-ewwel Ħadd tal-Avvent huwa ‘Ishru, Stennew, Oqogħdu attenti.’ Dan kollu b’antiċipazzjoni għal dak li għandu jiġri fi żmien erba' ġimgħat – it-twelid ta’ Ġesù Bambin. Ilkoll xi darba jew oħra għaddejna minn mumenti ta’ tensjoni u stennija: it-twelid ta’ tarbija, nistennew ir-riżultat tal-eżami, iż-żmien biex insiefru, stennija ta’ promozzjoni fil-job, u anke l-qtigħ ta’ qalb li nħossu meta nkunu qed nistennew ir-riżultat ta’ eżami mediku, jew dijanjosi wara operazzjoni.  

Però, f’dan kollu jidħol valur ieħor importanti – it-Tama. Dejjem nistennew u nittamaw li kollox ser jgħaddi b’wiċċ il-ġid, li r-riżultati ser ikunu pożittivi u t-tarbija tasal qawwija u sħiħa u tferraħ lill-ġenituri tagħha u l-qraba kollha. It-tama hija l-valur li ma jaqtgħalniex qalbna, b’aspettattiva li l-affarijiet dejjem ser imorru għall-aħjar.  Bl-Ingliz spiss ngħidu ‘we hope for the best and prepare for the worst.’ Nittamaw għall-aħjar imma dejjem għandna nippreparaw ruħna jekk l-affarijiet ma jmorrux tajjeb. Ngħidu wkoll li t-tama hija l-aħħar li tmut, għax wieħed m’għandu qatt jaqta' qalbu, jekk l-affarijiet, għall-bidu, bdew ħażin.

Kemm-il tim tal-futbol qalgħu tliet gowls bla risposta, imbagħad irnexxielhom jiskurjaw erba' gowls jew iktar u dawru t-telfa f’rebħa, għax il-plejers baqgħu jittamaw? Kemm iddispraw l-astronawti ta’ Apollo 13 għax beżgħu li ser jintilfu fl-ispazju, imbagħad salvaw għax baqgħu jistinkaw u jittamaw? Kemm qata’ qalbu l-Kurat t’Ars meta wasal fil-parroċċa tiegħu u ra biss tbaħrid u xalar, imma baqa' jittama u bidel il-belt kollha f’post tal-pellegrinaġġi b’eluf ta’ nies jiġu jqerru għandu? Kemm kienu ddisprati l-Maltin fi żmien il-gwerra meta ma kellhomx x’jieklu, sakemm wasal il-Konvoj f’jum Santa Marija?

It-twelid ta’ Ġesù ġab tama kbira fin-nies ta’ żmienu. Kienu qed jistennew il-Messija imma ħafna mil-Lhud ma ridux jemmnu li kien hu, u għadhom sal-lum ma jaċċettawhx bħala dak li kellu jsalvahom. Mat-twelid tiegħu l-andament tal-istorja nbidel ukoll, għax anke d-dati bdew jiġu indikati skont it-twelid tiegħu, minn B.C. (Before Christ) għal A.D. (Anno Domini), u bdejna ngħoddu s-snin minn 0 jew forsi 4 A.D. It-tama tiegħi hija li dawk in-nies li abbandunaw il-knisja jerġgħu lura, wara li jagħrfu r-rikkezzi li l-komunità Nisranija toffri. It-tama tiegħi hija li iktar nies jiġu jitkellmu magħna meta qed jiffaċċjaw xi problema f’ħajjithom. It-tama tiegħi hija li l-paċi dinjija tkun realtà permanenti, mhux ta’ ftit ġimgħat biss.

Fr Julian Cassar

L-AĦĦAR POSTS