It-Tieni Ħadd tal-Avvent - Il-Paċi
Min jaf kemm-il darba dorna fuq ta’ maġenbna fil-quddiesa u għedna: “il-paċi miegħek”. X’aktarx li dan il-kliem ikun akkumpanjat minn ġest ta’ nkin, jiġifieri meta nbaxxu rasna, jew meta nieħdu b’idejn dik il-persuna li tkun maġenbna / fil-qrib tagħna. Imma nistaqsi lili nnifsi: għalfejn nagħmlu dan il-ġest? U xi jfisser eżatt? Isir biex ikun sar u barra bid-daqq?
Darba minnhom kont smajt li meta tħares lejn il-persuna l-oħra u tgħidilha: “il-paċi miegħek”, tkun qed tfisser xi ħaġa profonda tassew; “nixtieqlek il-qdusija”. Interessanti li ninnutaw li fl-Evanġelju skont San Ġwann, dan huwa l-ewwel kliem ta’ Kristu Rxoxt lid-dixxipli: “is-sliem għalikom!” B’hekk, naraw rabta mill-aktar intima bejn il-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù, u l-aħbar ta’ paċi li jġib miegħu. Mela mhux ta’ b’xejn illi dan il-kliem li ngħidu fil-quddies huwa xewqa ta’ qdusija, għaliex jindirizza x-xewqa tagħna għal xulxin lejn Ġesù rebbieħ fuq id-dnub u l-mewt fil-ħajja ta’ kull persuna.
Imma dan x’għandu x’jaqsam mat-tieni Ħadd tal-Avvent? F’dan il-Ħadd, Ġwanni l-Battista jitkellem minn din il-paċi/qdusija. Huwa jipponta lejn Ġesù fit-tħejjija li jitkellem minnha tat-triq tal-Mulej, il-preparazzjoni għat-triq li ser jgħaddi minnha Ġesù. U liema hija din it-triq li ser jgħaddi minnha? L-inkarnazzjoni tfisser li Alla jsir bniedem bħalna u allura jgħaddi mill-istess esperjenzi tagħna l-bnedmin bl-għajxien tiegħu fostna sal-punt li jsalvana bil-mewt u l-qawmien tiegħu. B’hekk huwa Alla li jsir laħam, isir wieħed minna u jterraq fil-ħajja tagħna l-bnedmin. Fil-bidu tal-quddiesa hemm talba li nitolbu fit-talbiet ta’ maħfra: “Int li għaddejt minn fostna tagħmel il-ġid u tfarraġ u taħfer lil kulħadd”. Xi tfisser għalija li Ġesù jixtieq jerġa’ jgħaddi fil-ħajja tiegħi, jagħmel il-ġid, ifarraġ u jaħfer lil kulħadd? Fuq kollox, ejjew ma ninsewx l-aħbar tal-paċi u allura ta’ faraġ, li Ġesù jaqsam magħna bil-mewt u l-qawmien tiegħu. “Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi” naqraw illum mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija, ktieb magħruf bħala “il-Ktieb tal-Faraġ”.
Xi tfisser għalija l-indiema u allura l-konverżjoni tal-qalb li jitkellem minnha l-prekursur Ġwanni l-Battista? Din il-konverżjoni mhijiex biss rieda għall-waqfien mill-gwerer u allura l-paċi mingħajr gwerer, imma ħafna u ħafna aktar esperjenza personali ta’ Alla fil-ġid li jaqsam ma’ kull wieħed u waħda minna f’ħajjitna, fil-ħniena bla tarf tiegħu li jiċċekken biex jaħfrilna u jsalvana. Ser nersaq għall-qrar jew forsi nitlob b’ġakulatorja (eż: Ġesù Bin David, ikollok ħniena minni) jew anke nitlob maħfra lil min inqast, bi tħejjija għad-don tal-paċi ta’ Alla għalija u għalik fil-persuna ta’ Ġesù?
Il-paċi ta’ Ġesù tkun magħna
Fr Mark Spiteri - Viċi Parroku