It-Tielet Ħadd tal-Avvent - Il-Ferħ
Il-pjaneta roża li għandi fuqi tissimbolizza l-ferħ, imma ma tagħmilnix ferħan. Jekk bħalissa f'qalbi għandi diqa kbira, l-ebda parament roża u l-ebda kulur ieħor mhu se jtaffili d-dwejjaq li nħoss.
Issa aħna nafu li mhux biss il-kulur roża imma xejn fid-dinja ma jista' jagħtina l-ferħ; hu ta' liema forma hu l-ġid. Pjaċir, iva, jagħtik għal mument, imma wara jisfuma iktar mid-duħħan tal-murtali tal-festa.
F'dan it-tielet Ħadd tal-Avvent, it-tema dominanti fil-liturġija tal-kelma hija l-ferħ:
L-1 Qari: nifraħ fuq li nifraħ fil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi f'Alla tiegħi.
Salm: l-ispirtu tiegħi jifraħ f'Alla s-salvatur tiegħi.
It-2 Qari: ifirħu dejjem fil-Mulej. i.e.: il-Mulej huwa l-għajn tal-ferħ.
Fid-dawl ta' dan il-qari, u meta ninsabu daqshekk viċin tat-twelid tas-salvatur tagħna, ejja nagħmlu mistoqsija lilna nfusna: jien tassew ferħan fil-ħajja tiegħi, inħossni fulfilled?
Nifhem li għandi skop fil-ħajja tiegħi? Jew forsi jien dejjem imdejjaq, wiċċi mkerrah qisni għandi lumija f'ħalqi, kull filgħodu nqum imma nagħli għax jisbaħ?
Kulħadd ifittex ir-riċetta għall-ferħ. Imma fejn hu l-indirizz tal-ferħ? Fejn jinsab? Is-soċjetà teknoloġika tal-lum żiedet l-okkażjonijiet tal-pjaċir, imma ma rnexxilhiex tagħti l-ferħ.
Id-dinja toffri r-riċetta tagħha: flus; ġid materjali; kumditajiet... Iżda diżgrazzjatament żdied il-vojt, id-dwejjaq, il-melankonija, id-disperazzjoni, id-dipressjoni. Ftit ilu ntqal kemm Maltin qegħdin fuq l-anti depressants.
Possibbli għadna ma rrealizzajniex li l-ferħ mhux xi ħaġa iżda xi ħadd? Mhux oġġett iżda persuna? Fit-13 ta' Ġunju 2011, il-Papa Benedittu, meta kien il-Ġermanja, liż-żgħażagħ qalilhom hekk: il-ferħ li intom qed tfittxu u li għandkom dritt għalih għandu isem u wiċċ. Dan hu Ġesù ta' Nazaret.
Mill-qari li smajna nsibu tliet ħwejjeġ li jagħtuna l-ferħ: it-talb u t-tifħir lil Alla; li tagħmel it-tajjeb; li taħrab il-ħażin.
Baqa' biss ftit ġranet qabel il-Milied. Ejjew dawn it-tliet ħwejjeġ neħduhom bħala homework sa dakinhar. U din tkun tassew preparazzjoni xierqa għall-festa tal-Milied u f'qalbek ikun hemm il-veru ferħ. Ipprova agħmel hekk u wara kellimni.
Rev. Kan. David Gauci
Arċipriet