IR-RABA' ĦADD TAL-AVVENT - L-IMĦABBA

Dan suġġett li aktar faċli titkellem dwaru, milli tipprova tgħixu fil-ħajja ta’ kuljum. Ir-raġuni hija sempliċi: biex tgħix trid tinsa lilek innifsek ħalli tipprova taħseb f’ħaddieħor. Aktar ma taħseb fik innifsek anqas tkun kapaċi tħobb lill-oħrajn.

Kull ħaġa għandha l-kejl tagħha. Ġesù Kristu, qalilna ċar u tond: “minn hawn jgħarrfukom li intom dixxipli tiegħi, minn kemm tħobbu wieħed lill-ieħor!”

Meta l-anġlu Gabrijel, Alla bagħtu għand Marija, biex jagħtiha l-aħbar li hi kienet ġiet magħżula minn Alla, biex iġġib fid-dinja lill-iben tiegħu, Ġesù Kristu, fl-istess nifs għarrafha, li l-qariba tagħha Eliżabetta, li kienet imdaħħla fiż-żmien u li ma setgħetx tkun omm, kellha diġà sitt xhur tqala. L-imħabba li kellha Marija għall-oħrajn, ġagħlitha, tinsa lilha nnifisha u ‘tmur tħaffef lejn il-għoljiet,’ lejn id-dar ta’ Eliżabetta, biex taqdiha fil-bżonnijiet li kellha f’dan il-mument diffiċli ta’ ħajjitha.

San Ġwann l-Evanġelista jgħidilna: “Alla huwa mħabba!” Din hi d-definizzjoni li hu jagħti ta’ Alla, u jkompli jgħid ukoll li: “Alla hekk ħabb lid-dinja li taha lil ibnu stess biex isalvaha!” Min jaf kemm-il darba smajnieha din il-frażi! Però qatt waqaft naħseb bis-serjetà fiha? Min jaf kieku jien ikolli tifel, inkunx kapaċi nibagħtu biex jagħti ħajtu ħalli jsalva lil ħaddieħor!

San Pawl fl-ittra tiegħu lill-Korintin, meta jiġi biex jitkellem fuq l-imħabba, ma jagħtix definizzjoni tagħha, imma jgħidilna kif wieħed jinduna jekk jafx iħobb lil ħaddieħor bis-serjetà jew bil-kliem biss. Jikteb: L-IMĦABBA taf tistabar u tħenn. Mhijiex għajjura. Ma tintefaħx biha nfisha. Ma titkabbarx fuq l-oħrajn. Ma tagħmilx dak li mhux xieraq. Ma tfittixx dak li hu tagħha. Xejn ma tinkorla. Ma żżommx f’qalbha għad-deni. Ma tifraħx bl-inġustizzja, imma tifraħ bil-verità. Kollox temmen! Kollox tittama! Kollox tissaporti! L-IMĦABBA MA TINTEMM QATT!

Min jaf kieku minflok il-kelma MĦABBA npoġġi ismi, nista’ ngħid li naf inħobb dejjem u bis-serjetà?

Dun Karm Tanti

L-AĦĦAR POSTS