Il-Milied 2023 - Riflessjoni mill-Arċipriet

Il-Bambin tal-Milied fuq l-artal tal-Kolleġġjata


Il-Milied: festa mxerrda kważi mad-dinja kollha. Hi festa kbira ħafna, speċjalment għalina l-Insara. Il-Milied jista' jkun festa reliġjuża u liturġika u fl-istess waqt festa soċjali wkoll.

Huwa festa reliġjuża u liturġika meta niċċelebrawh b'mod spiritwali, li jappartjeni lir-ruħ tal-bniedem u għal dak li għandu x'jaqsam mal-qdusija. Hekk, inkunu qed nagħtu 'l Ġesù dik il-qima li tixraqlu u tistħoqqlu.

Huwa festa soċjali għax jiġi ċċelebrat b'mod materjali, jiġifieri li għandu x'jaqsam mal-ġisem u mal-gosti tiegħu. Ħafna drabi Ġesù jibqa' barra.

Tkun ħasra kbira għal dawk l-Insara, jekk jiċċelebraw il-Milied b'mod soċjali biss, għax għalkemm jiddevertu u jixxalaw ma jkunux qed igawdu l-veru ferħ u hena li jħossu dawk li jiċċelebrawh b'mod spiritwali li allura Ġesù jkun f'qalbhom u għalhekk ikollhom il-ferħ, il-paci, l-hena li Ġesù biss jista' jagħti.

Wara kollox x'inhu l-Milied? Il-Milied huwa dak il-jum li fih jiġi mfakkar u ċċelebrat jum it-twelid, il-birthday, ta' ĠESÙ. Milied mingħajr Ġesù hu Milied vojt; ikun hemm baħħ fil-qalb tagħna. Ejjew inħallu lil Ġesù jkollu l-iktar post xieraq f'qalbna, mhux biss illum fil-Milied, iżda KULJUM matul ħajjitna.

Fr David Gauci

Arċipriet

L-AĦĦAR POSTS