Min-Nieqa - Djarju tax-Xahar



Il-Kelma tal-Arċipriet                                                       Kan. Dun. David Gauci

Mejju 2024







Bdejna x-xahar ta’ Mejju, xahar iddedikat lil Ommna Marija tas-Sema. F’dan ix-xahar, fil-Parroċċa jkollna mumenti sbieħ, fosthom ta’ adolexxenti fiż-żona tal-Ħniena Divina li jirċievu s-Sagrament tal-Konfermazzjoni.

   Se jkollna wkoll grupp sabiħ ta’ tfal mill-oqsma tal-MUSEUM li se jirċievu lil Ġesù Ewkaristija għall-ewwel darba. Nixtieq min hawn f’isimkom ngħid grazzi kbira lill-katekisti kollha li b’tant ħeġġa u żelu jiffurmaw lil uliedna għas-sagramenti tal-bidu tal-ħajja Nisranija.

   Fl-ewwel Ħadd ta’ dan ix-xahar nagħmlu l-festa ta’ San Ġużepp, patrun universali tal-Knisja Kattolika, waqt li fit-tieni Ħadd infakkru Jum l-Omm. Għaldaqstant, fiċ-Ċimiterju jkollna quddiesa b’suffraġju għall-ommijiet tagħna mejtin. 

   Irrid ukoll minn hawn ngħid grazzi lil dawk il-voluntiera (li mhumiex ħafna) imma li jiddedikaw ħafna mill-ħin tagħhom jagħmlu ħidma fiċ-Ċimiterju. Kulħadd għandu għajnejn biex jara kemm iċ-Ċimiterju tagħna jinżamm f’livell li tassew jixraq lill-għeżież tagħna li ħallewna.

  B’għafsa ta’qalb ninfurmawkom li l-envelopes tal-festa li qassamna fix-xhur li għaddew daħlu lura b’donazzjoni ta’ mhux iktar minn €340, meta aħna qassamna ’l fuq minn 4000 envelope. Intom tifhmu kemm l-ispejjeż olew, intom tafu kemm tqumilna flus il-festa. Tafu wkoll li jien bid-dejn ma naħdimx għax la huwa ġust fuqkom u lanqas fuq min jiġi warajja. Dan ifisser li jista’ jagħti l-każ li jkollna nnaqqsu xi servizzi li s-soltu jkollna fil-festa tagħna.

   Bil-Malti ngħidu r-raġuni ma tridx forza.

   Peress li din is-sena f’Malta se jkollna l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, il-purċissjoni tal-Qalb ta’ Ġesù se nagħmluha l-Ġimgħa 7 ta’ Ġunju u mhux iladd 9 ta’ Ġunju, anke għall-fatt li ma kienx possibbli jkollna servizz adekwat ta’ pulizija l-Ħadd.

   Fl-esperjenza tiegħi ta’ Kappillan (24 sena) tgħallimt li kulma jinqala’ fil-Parroċċa tort tal- kappillan – u jien b’nofs ċajta ngħid li jekk taqa’ l-koppla, il-kappillan jeħel. U hekk ġara wkoll fil-każ tal-arloġġ tal-Knisja. Fuq il-kwistjoni tal-arloġġ jien ngħid dan li ġej; aħjar min joqgħod iparla fil-vojt, talabni n-numru ta’ min qed jirranġah u kultant zmien iċempillu ħalli joħloqlu pressjoni kif nagħmel jien. 




Il-Ġimgħa,  3    Tifkira ta’ San Ġużepp Ħaddiem.

                           L-ewwel Ġimgħa tax-xahar.

Fis-6:00 p.m. adorazzjoni u fis-6:30 p.m. il-quddiesa.

 

Il-Ħadd,     5     Is-sitt Ħadd tal-Għid: Messalin B

Filgħaxija, Festa ta’ San Ġużepp. Fil-5:00 p.m. quddiesa kantata bl-omelija u wara toħroġ il-purċissjoni bl- istatwa tal-qaddis.

 

Il-Ħamis,   9      Fis-6:00 p.m. Adorazzjoni u fis-6:30 p.m. il-quddiesa.

 

Il-Ħadd,   12     Solennità tat-Tlugħ tal-Mulej fis-Sema. Messalin B

Fid-9:00 a.m. ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-Magħmudija u fid-9:30 a.m. il-Quddiesa.

Iċ-Ċimiterju jkun miftuħ matul il-jum u fl-10:30 a.m. ikun hemm quddiesa għall-erwieħ tal-ommijiet mejtin.

 

Il-Ħamis,  16     Fid-9:00 a.m. fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, fl-Oratorju jkollna Coffee Morning b’risq il-Kolleggjata ta’Marija Bambina.

                            Fis-6:00 p.m. adorazzjoni u fis-6:30 p.m. il-quddiesa.

 

Il-Ħadd,    19     Solennità ta’ Pentekoste. Messalin B

Fis-Santwarju tal-Ħniena Divina jiġi ċċelebrat is-Sagrament tal-Konfermazzjoni.

 

Il-Ħamis,   23    Fis-6:00 p.m. adorazzjoni u fis-6:30 p.m. il-quddiesa.

 

Il-Ħadd,    26    Solennità tat-Trinità Qaddisa Messalin B

                           Fil-11:00 a.m. quddiesa tal-Ewwel Tqarbina għat-tfal

tal-Museum.


L-AĦĦAR POSTS