Għeluq il-purċissjoni 2023 - Diskors tal-Arċipriet
DISKORS
TAL-W.R. KAN. ARĊIPRIET
DUN
DAVID GAUCI,
FI TMIEM IL-PURĊISSJONI
F’GĦELUQ IL-FESTA TA’
MARIJA
BAMBINA 2023
Il-Ħadd, 10 ta’
Settembru
Bid-dħul tal-istatwa fil-Kolleġġjata tagħna, mal-kant ċelebrità tal-antifona, qed naslu fit-tmiem ta’ festa oħra għal din is-sena. Fil-ġimgħat li għaddew ħdimna flimkien, stinkajna flimkien u smajna tagħlim profond fuq il-misteru ta’ Marija fit-twelid tagħha.
U fl-aħħar ġranet tertaqna qalbna lkoll minħabba l-kundizzjoni tat-temp. Biss, illum il-Vitorja xorta waħda ħriġnieha sserrep mat-toroq ewlenin tal-parroċċa tagħna.
Veru li l-ġurnata tat-8 ta’ Settembru hija għażiża għalina, imma s-saħħa tan-nies u l-ħarsien tal-patrimonju tagħna, fosthom il-vara tal-Vitorja, jibqgħu dejjem prijorità, u dawn huma r-raġunijiet, mhux għax nibżgħu nirriskjaw, mhux għax m’aħniex baħrin tal-maltemp.
Tajjeb li wieħed ikun jaf li l-Vitorja, tneħħi s-snin tal-pandemija, dejjem ħarġet, anke waqt it-Tieni Gwerra Dinjija.
Irrid minn hawn ngħid grazzi kbira lill-entitajiet tal-festa, lill-kumitat, lill-gruppi tal-armar, lill-kumitati tal-baned Peace u Vittorja, kif ukoll lill-membri tal-kmamar tan-nar, għax ilkoll urew maturità fid-diskussjonijiet u l-laqgħat li kellna. Ħaqqhom ċapċipa ta’ ringrazzjament.
Kburi li għal sena oħra konna ta’ eżempju għal parroċċi oħra kif isiru l-affarijiet, u għalhekk li l-prodott finali jkun suċċess.
Veru li l-festa hija l-quċċata tal-ħidma kollha li ssir fil-parroċċa matul is-sena, biss intom tafu li l-ħidma tkompli matul is-sena kollha.
Minbarra l-ħidma pastorali mat-tfal, maż-żgħażagħ, mal-koppji u mal-anzjani tagħna, l-amministrazzjoni tas-sagramenti, kif ukoll il-kontribut enormi li nagħtu fil-qasam tad-Djakonija, il-parroċċa fix-xhur li ġejjin se tkompli tieħu ħsieb il-patrimonju li wirtet mingħand missirijietha.
Għaldaqstant, se jibdew diversi
proġetti. Insemmu:
- il-proġett estensiv tal-illuminazzjoni tal-Kolleġġjata minn barra u r-rinnovazzjoni taz-zuntier madwar l-istess Kolleġġjata.
- qed nistennew il-permessi tal-MEPA sabiex noħorġu l-applikazzjonijiet għall-hekk imsejħa oqbra vertikali fiċ-Ċimiterju tagħna. Jidher li hemm domanda kbira għalihom.
- fiċ-Ċimiterju wkoll se jsir restawr taż-żewġ statwi fil-ġebel, li waħda minnhom hi dik tal-Qalb ta’ Ġesù, maħduma mill-iskultur rinomat Wigi Muscat.
- bis-saħħa tal-voluntiera qed jitkompla x-xogħol ta’ restawr u manutenzjoni fil-knejjes filjali ta’ San Ġwann Battista, ta’ Santa Luċija u tal-Kunċizzjoni.
- Is-sedji li nsibu fil-kor jeħtiġilhom restawr kbir, il-ħsieb hu li lejn l-aħħar ta’ din is-sena jinbeda wkoll dan ix-xogħol.
- Il-mazza tal-kapitlu kważi lesta għalkollox. Probabbli li sal-Milied li ġej tkun f’idejna.
Dan kollu jsir flimkien ma’ manutenzjoni kontinwa tal- Kolleġġjata. Xogħol ta’ wara l-kwinti li ma jaqta’ qatt u li jeħtieġ ħafna riżorsi.
U l-akbar proġett li se nidħlu għalih, anzi diġà bdejna, huwa d-damask mill-ġdid li jifforma s-salib Latin ta’ din il-Kolleġġjata.
Jekk tagħtu ħarsa lejn dak eżistenti taraw kemm hu fi stat tal-biki. Id-damask li hemm mal-pilastri mal-ġnub tal-pavaljun tal-Bambina huma ġodda. Agħtihom daqqa ta’ għajn.
Se jkun proġett kbir u ambizzjuż. L-istimi li għandna f’idejna huma ta’ ’l fuq minn 100,000 ewro. Qatt ma qtajt qalbi u m’iniex se naqtagħha issa.
Jien għandi fiduċja sħiħa fikom. Naf ben tajjeb l-imħabba li għandna lejn din il- Kolleġġjata u lejn Marija Bambina. Jixirqilha l-aħjar u l-isbaħ, u bil-ġenerożità tal-poplu Naxxari hekk ser nagħmlulha. Kont u għadni kburi bikom. U se nibqa’.
Grazzi lil dawk kollha li jagħtu s-sehem tagħhom mhux biss għall-festa imma wkoll matul il-kumplament tas-sena: kemm dawk li jaħdmu fis-skiet u s-satra kif ukoll dawk li l-ħidma tagħhom hija viżibbli.
Nafdaw kull ħidma tagħna f’idejn ommna Marija Bambina u f’isimkom intennilha: