Ħruġ min-Niċċa 2023 - Diskors tal-Arċipriet

Id-Diskors tal-Arċipriet, il-W.R. Kanonku David Gauci Waqt il-Ħruġ tal-Istatwa Titulari ta’ Marija Bambina min-Niċċa, il-Ħadd, is-27 ta’ Awwissu 2023

Illum ħassejna li niġu f’din il-Kolleġġjata għażiża tagħna mhux biss għax huwa jum il-Mulej, il-jum tal-Ħadd, mhux biss għax din hija d-dar ta’ Alla, u darna wkoll – u għalhekk li temmejna restawr estensiv – iżda wkoll ħalli issa, wara li ċċelebrajna s-sagrifiċċju tal-quddiesa, nassistu għall-mument tant kommoventi u mistenni meta l-istatwa titulari tagħna tfiġġ fil-bieb ewlieni ta’ din il-Kolleġġjata tagħna, u b’hekk nagħtu bidu għas-Solennità tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija.

Jien naf kemm tapprezzaw il-fatt li dejjem inkellimkom ċar, dirett u b’mod li l-messaġġ jasal. U hekk se nagħmel illum ukoll. Ippermettuli nibda imma billi nagħmlilkom xi osservazzjonijiet. Ejjew naqtgħu darba għal dejjem il-paroli fil-vojt, ma joħroġ l-ebda ġid minnu u ma jagħmilx ġieħ lil min jgħidu.

Ma nafx għaliex; konna għadna fil-bidu ta’ Lulju li għadda meta ġew in-nies fuqi u qaluli: “veru li mhux se toħroġha l-Bambina mill-bieb tal-knisja fis-27 ta’ Awwissu?” Għax hekk qed jgħidu. Għalfejn naqilgħu l-gideb? U s-sabiħa hi l-kummenti ta wara, għax jekk ma joħroġhiex daqshekk tajt flus għall-festa. Din l-imħabba lejn il-festa tal-Vitorja! Ejjew inkunu nies maturi. Ejjew ma nirrepetux dak li nisimgħu qabel ma nivverifikaw il-fatti. Naħseb li qed inkun ċar biżżejjed.

Ħaġ'oħra. Fl-1 ta’Marzu 2015, meta jien ġejt mogħti l-pussess ta’ din l-parroċċa, fil-preżenza tal-Arċisqof u ta’ ħafna minnkom, kont idtilkom li jien se nerfa’ l-piż li ġġib maha l-Arċipretura b’responsabbiltà kbira. Kont għiditilkom li jien m’iniex hawn biex nidher sabiħ magħkom iżda biex nagħmel dmiri skont il-kuxjenza tiegħi. Intom tifhmu li kultant ikollok tieħu deċiżjoni li hi l-inqas popolari. Issa ili żmien intambar li jeħtieġ li nnaqqsu n-numru ta’ quddies li għandna. Kif tafu u kif dejjem tennejt, fin-Naxxar mhux kumdità għandna ta’ quddies imma lussu.

Bin-numru ta’ saċerdoti dejjem nieżel u bic-ċifra ta’ Maltin li qatgħu l-quddiesa ta’ Ħadd, ma nistgħux nibqgħu  nġebbdu bl-ammont ta’ quddies li għandna. Ma jagħmilx sens. Forsi mhuwiex tal-paroli żejjed għax titnaqqas quddiesa jkun hawn min jheddek (mingħalihom) billi jgħidu: “mela jien daqshekk mort il-quddies”? Qisu bħal dak li qallu tmur il-quddiesa għal wiċċ l-Arċipriet. Kif qal darba Ġesù: min irid jifhem, ħa jifhem.

Mela din hija issa d-disa’ sena li qed niċċelebra magħkom din il-festa, li minn sena għal oħra nkunu ilna nistennew u nippreparaw għaliha. Tul dawn is-snin li ilni fostkom, rajt kemm il-festa tal-Bambina hija għal qalbna, u mhux ta’ b’xejn li nsejħulha ġawhra tagħna n-Naxxarin. Aħna l-festa nsaħħuha irridu u mhux innaqqru minnha. Innaqqru minnha dak li ma jagħmlilniex ġieħ biss.

Il-Festa tal-Bambina hija fattur unittiv mhux biss bejnietna, iżda wkoll bejn l-emigranti Naxxarin li jinsabu barra minn xtutna. Illum, grazzi għall-mezzi tal- midja soċjali tagħna, ta’ kuljum ikun hemm Naxxarin f’pajjiżi oħra li jkunu qed isegwu dak li jkun għaddej fil-Kolleġġjata tagħna. Mhux darba jew tnejn li jkolli  kuntatt magħhom permezz ta’ dawn il-mezzi tant utli fis-soċjetà li qed ngħixu fiha llum.

F’dawn is-snin li ilni fostkom, urejtuni kemm il-kelma tiegħi ma waqgħetx fuq widnejn torox: u hekk nixtieq li jiġri llejla wkoll. Dejjem u f’kull każ, għax tafu li għall-ġid tagħna lkoll tagħtu widen għall-kelma tar-Ragħaj Spiritwali, partikolarment kull darba li appellajt biex insaħħu l-għaqda bejnietna lkoll. Għaliex qed ngħid ‘insaħħu’?

Għax l-għaqda diġà kienet u għadha hemm: li jkun jonqos biss li nissaħħu u nkomplu nibnu fuq dak li hemm. Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li narakom magħqudin u ferħanin.

Aħna m’aħniex minn dawk li ngħidu li ‘aħna kontra l-festi’, aħna l-festa nagħmluha, nagħmluha bil-qalb u niċċelebrawha b’mod tassew dinjituż u Nisrani.

Sena wara sena, tneħħi s-snin tal-pandemija, aħna niċċelebraw festa Nisranija li mhix nieqsa lanqas minn dak li jagħmlu festa tradizzjonali Maltija bil-kultura u l-folklor tagħha, partikolarment bis-sehem tal-armar li jżejjen it-toroq tagħna, ta’ marċi brijużi li jpaxxu l-widna u l-logħob tan-nar li jlewnu is-sema Malti.

Ippubblikajna l-ktieb tal-festa. Aqrawh. Fih issibu diversi artikli ta’ interess mhux żgħir: issibu wkoll il-programm taċ-ċelebrazzjonijiet li se jiġu ċċelebrati fil-Kolleġġjata. Bħas-snin l-imoddija aħna ħsiebna f’kull kategorija li jiffurmaw il-familji tagħna... mit-trabi sal-anzjani tagħna.

Inħeġġiġkom biex għada tiġu u tieħdu sehem meta nfakkru r-raba’ anniversarju tal-Kolleġġjata tagħna. Fis-6:00 p.m., ir-Rev. Fr. Mark Spiteri, il-Viċi, se jingħata l-pussess ta’ Kanonku Effettiv waqt li r-Rev. Fr. Marc Andrѐ Camilleri jingħata l-investitura ta’ Kanonku Onorarju. Imbagħad, fis-7:00 p.m. jibda Pontifikal Solenni, immexxi mill-E.T. Mons. Joe Alessandro, Isqof Emeritu ta’ Garissa.

Nistedinkom ukoll għall-quddiesa l-kbira fl-għodwa tat-8 ta’ Settembru, li hija l-qofol u l-aħjar mod kif niċċelebraw il-festa tagħna. Dakinhar nilqgħu fostna lill-E.T. Mons. Joe Galea Curmi, Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali li se jmexxi l-pontifikal tal-festa. Wara l-Vanġelu, ir-Rev. Mons. Joe Zammit jinseġ il-paniġierku lill-Bambina.

Jagħmlilna tajjeb li fil-ġranet li ġejjin niġu nisimgħu dwar il-misteru tat-Twelid tal-Verġni Imbierka kemm waqt in-novena kif ukoll fit-tridu u l-jumejn tal-festa.

Nawgura li dak li bnejna fil-passat, nifhem ngħid il-paċi, l-għaqda u s-solidarjetà ta’ bejnietna, inkomplu ngħixuhom mhux biss fil-ġranet tal-festa iżda wkoll fil-kumplament tas-sena.

Jalla Marija Bambina tkompli tipproteġina taħt il-mant tagħha, xhieda ħajja tal-imħabba u d-devozzjoni tagħna n-Naxxarin  lejha.

Minn issa nawgura festa sabiħa u qaddisa lill-komunità parrokkjali Naxxarija. Marija Bambina tberikna lkoll u f’isimkom insellmilha:

 

Ritratt: Matthew Camilleri
O Bambinakollok glorja,
Bħal Reġina – inberkuk,
Biex tagħnina bil-vittorja,
Omm ħaninanitolbuk.

 



 


 


L-AĦĦAR POSTS