Riflessjoni - Ir-Raba' Ħadd tal-Għid

Riflessjoni tal-W.R. Kanonku Arċipriet Dun David Gauci dwar il-Vanġelu tar-Raba' Ħadd tal-Għid u l-Jum Dinji ta' Talb għall-Vokazzjonijiet


   Żewġ bżonnijiet qawwija fil-ħajja tagħna huma s-sigurtà u l-imħabba. Ilkoll infittxu s-sigurtà. Is-sigurta hija bżonn bħalma hija bżonn l-imħabba. Anki t-tfal ifittxuha f'idejn ommhom. Aħna l-kbar fl-età infittxuha mod ieħor.

  Infittxu s-sigurtà ta' darna, tal-għajxien tagħna, ta' saħħitna, tas-snin imwaħħra tagħna. Imma fuq kollox għandna bżonn is-sigurtà ta' Alla. Li tkun taf li Alla jħobbok, li jieħu ħsiebek, li aħna nfissru xi ħaġa għalih, li meta niġu nieqsa se jkunu dirgħajh li jilqgħuna u mhux il-baħħ.

   It-telqa tan-nagħġa f'dirgħajn ir-ragħaj hi sinjal li n-nagħġa tħossha żgura u maħbuba. Is-sigurtà u l-imħabba f'idejn Ġesù qatt ma jiġu nieqsa. Illum, f'dan ir-raba' Ħadd tal-Għid, kif isir ta' kull sena, il-Knisja tpoġġi għar-riflessjoni tagħna lil Ġesù bħala r-ragħaj it-tajjeb, u ma' din il-ġurnata l-Knisja tfakkar Jum il-Vokazzjonijiet, jiġifieri, biex nitolbu ħalli llum ukoll jibqa' jkollna ragħajja li jmexxu 'l-poplu ta' Alla. Ippermettuli nieqaf ftit fuq ir-realtà tar-ragħajja f Malta.

    Ilkoll tafu kif neżlin iċ-ċifri tal-qassisin. Ma negħjiex ngħidilkom li fi żmien qasir se jkollna nerġgħu nnaqqsu l-lussu ta' quddies li għandna. Qed ngħid lussu mhux bi ksuħat imma b'serjetà kbira. Fin-Naxxar, bejn is-Sibt filgħaxija u l-Ħadd filgħaxija għandna 24 quddiesa waqt li matul il-ġimgħa għandna għaxar quddisiet kuljum.  

  U dan meta nafu kemm naqsu l-Maltin li jmorru l-quddies. Jiġifieri anke s-sens komun jgħidlek li ladarba naqsu n-nies li jmorru l-knisja u naqsu l-qassisin li jqaddsu l-quddies, allura hija konsegwenza naturali li jkollok tnaqqas il-quddies. Issa dawn iċ-ċifri ma jinkludux okkażjonijiet oħra ta' funerali, żwiġijiet, anniversarji u l-bqija.

    Għalhekk jien ma nifhimx kif hawn min ikollu l-wiċċ igerger meta nnaqqsu l-quddies! Lil dawk li jgergru tafu x'ngħidilhom? Kemm qed titlob kuljum għal aktar ragħajja? Kemm qed tagħmel sagrifiċċji u ssum ħalli jiżdiedu r-ragħajja? Kemm qed tagħmel reklam tajjeb ta' ħajja Nisranija lin-neputijiet tiegħek?

    Is-sigurtà u l-imħabba li jagħtina Alla ma joffruhom l-ebda aġenzija tas-sigurtà u l-ebda bniedem fuq din l-art. L-offerti li jagħtuna l-aġenziji tas-sigurtà tad-dinja ma jkoprux il-ħtiġijiet kollha tagħna, il-bniedem sħiħ. Mentri Ġesù qalilna jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra.

    U llum fil-Vanġelu qrajna hekk; in-nagħaġ jimxu warajh għax jisimgħu leħnu. U int x'radju tisma'? Liema huma ċ-channels tiegħek? Xi friends għandek fuq Facebook? Lil min u lil xiex tagħmel like? X'tippostja u x'tagħmel share fuq is-social media? Ħa ngħid ħag'oħra; il-faċċoliżmu li tara fuq Facebook inkredibbli.

    Il-Vanġelu huwa s-social media ta' Alla li jurik il-bieb li minnu trid tidħol fil-maqjel. Hemm biss issib ir-ragħaj it-tajjeb li jgħajjatlek b'ismek u jħallik tirgħa f'mergħat kollhom ħdura.

    Għaliex qed insejħulu ragħaj tajjeb lil Ġesù? Għax intom tafu li mhux kollha huma tajbin ir-ragħajja; mhux kollha għandhom għal qalbhom il-ġid tal-merħla.

    Mela jekk tassew int konvint minn dan kollu, semma' leħnek u pproklama; il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni. Smajtha? Jekk ikollok lilu bhala ragħaj xejn ma jkun jonqsok. Mela x'qed tistenna biex tidħol fil-maqjel tiegħu u tibqa' hemm; hemm żgur issib is-sigurtà u l-imħabba li tant teħtieġ.

L-AĦĦAR POSTS