Ras ir-Randan: Quaresima, Quaranta, Erbgħin

Ritratt: John Magro
Quaresima, Quaranta, Erbgħin …

Naturalment mill-ewwel tifhmu li qed nirreferu għall-erbgħin jum tar-Randan Imqaddes li jibdew bl-Erbgħa tal-Irmied u jwassluna biex niċċelebraw it-tlitt ijiem imqaddsa tal-Għid, il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt; l-ikbar festa tagħna l-Insara. Fl-Erbgħa tal-Irmied il-knisja tagħti bidu għaż-żmien tar-Randan; żmien li fih niftakru b’mod l-iktar intimu fil-passjoni ħarxa u l-mewt krudili ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Huwa żmien speċjali ta’ grazzja, ta’ riflessjoni, ta’ talb, ta’ ċaħda, ta’ karità, li jista’ jwassal ukoll għal bidla feliċi fil-ħajja tar-ruħ tagħna.

F’dan iż-żmien nistaqsu sinċerament lilna nfusna jekk Alla hux jiġi l-ewwel u qabel kollox f’ħajjitna u kif tinsab ruħna quddiem Alla.

Tgħid ruħna ma tistax tkun aħjar, ħafna aħjar milli hi?

Ejjew ma nħallux dawn l-erbgħin jum tar-Randan li qegħdin nibdew ikunu żmien li jiġi u jgħaddi qisu qatt ma kien. Ejjew inħabirku u nilqgħu l-grazzja tas-sejħa għal titjib, tiġdid jew konverżjoni biex nagħrfu aħjar il-Mulej billi nissaħħu fil-fidi u nikbru fl-imħabba tiegħu.

Jalla din tkun preparazzjoni xierqa għall-festa tant kbira tal-Għid, meta niċċelebraw il-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt u hekk ingawdu l-ferħ, l-hena u l-paċi li Hu biss jista’ jnissel fil-qlub tagħna.

Kan. Arċ. Dun David Gauci

Comments

L-AĦĦAR POSTS