In-Novena tal-Milied - Riflessjoni

Ritratt: Matt's Photography


Iż-żmien tal-Avvent, jiġifieri l-erba’ ġimgħat ta’ qabel il-Milied huwa żmien opportun ħafna sabiex il-komunità Nisranija tinġabar u tisma’ l-Kelma ta’ Alla.

Għax aħna lkoll bħad-dixxipli ta’ Għemmaws. Waqt li fina u madwarna nilmħu bosta dlamijiet, il-Kelma ta’ Alla hija bħal dawl li jiddi fid-dlam; twiegħed ħelsien, tagħti tama u ġġib tiġdid fil-qalb tal-bniedem u fi ħdan il-komunità Nisranija.

Dan kollu jinkwadra tajjeb mat-tema tas-sinodu fil-Knisja Universali, imma partikolarment mat-tema tal-pjan pastorali tal-Knisja f’Malta għal dawn is-snin, nifhem ngħid: 
“Knisja li tisma’, Knisja li tilqa’ u Knisja li takkompanja”.

L-għan tal-mixja tal-Avvent, u partikolarment tan-Novena tal-Milied, huwa li bħad-dixxipli ta’ Għemmaws, fil-Milied nagħrfu lil Ġesù ħaj fit-tarbija ta’ Betlem, u nindunaw li l-Kelma tiegħu kebbset f’qalbna dawl, tama u ħeġġa ġdida.

Id-destinatarji prinċipali tan-Novena mhumiex tant l-individwi imma l-komunitajiet, li huma msejħin ikunu huma sagrament ta’ għaqda u ta’ salvazzjoni għad-dinja kollha.

Aħna lkoll, kull wieħed u waħda minna nifformaw parti minn komunità; il-familja, il-parroċċa, l-iskola, il-post tax-xogħol.

Nitlob sabiex il-ferħ u l-paċi li ġabet magħha t-tarbija ta’ Betlem ikunu wkoll il-ferħ u l-paċi li jitkebbsu fil-qalb tagħna tul is-sena 2023.

Fr David Gauci
Kanonku Arċipriet
Il-Kolleġġjata ta’ Marija Bambina
Naxxar

L-AĦĦAR POSTS