Saturday, October 8, 2022

L-Iżvilupp tad-Devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju f’Pajjiżna

L-Iżvilupp tad-Devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju f’Pajjiżna



Tista’ tgħid li fil-maġġoranza tal-parroċċi tagħna matul ix-xahar ta’ Ottubru tiġi ċċelebrata l-festa lill-Madonna tar-Rużarju. F’numru ta’ parroċċi, b’mod partikolari dawk ftit iktar antiki, insibu anke altar jew kappellun iddedikat lill-Madonna taħt dan it-titlu u wkoll fratellanza annessa.

Dan il-kult beda jixtered sewwa f’Malta wara l-Battalja ta’ Lepanto fl-1571. F’din it-taqbida ħadu sehem ukoll il-Kavallieri ta’ San Ġwann flimkien ma’ baħħara u suldati minn Malta. Il-Papa San Piju V attribwixxa din ir-rebħa lill-Madonna hekk kif ir-rebħa seħħet nhar il-Ħadd, 7 ta’ Ottubru, l-istess jum li fih kienet qed tiġi ċċelebrata l-festa tal-Madonna tar-Rużarju f’Santa Maria Sopra Minerva f’Ruma. Għall-ewwel, il-festa tal-Madonna tar-Rużarju kienet tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Ottubru, iżda mbagħad fir-riforma tal-Kalendarju liturġiku tal-Papa Piju X, li fost l-oħrajn enfasizzat l-importanza tal-liturġija tal-Ħadd, ġiet magħżula d-data tas-7 ta’ Ottubru, kif għadna niċċelebrawha sal-lum.

Ftit snin biss wara l-1571, f’Malta bdew jitwaqqfu l-Fratellanzi tar-Rużarju hekk kif il-Patrijiet Dumnikani ħadmu qatigħ sabiex ixerrdu din id-devozzjoni. Għall-kuntrarju tal-fratellanzi l-oħra li kien hawn Malta dak iż-żmien—li kienu kollha għaqdiet ta’ rġiel li kellhom l-istess sengħa—il-Fratellanzi tar-Rużarju kienu iktar devozzjonali. Fil-Belt Valletta, din il-fratellanza kienet toffri assistenza lil dawk li kienu jiġu kkundannati għall-mewt bil-forka, hekk li kienet tissejjaħ ukoll “tal-Miżerikordja.”

Forsi t-taqbidiet li qegħdin naffaċċjaw illum huma iktar sottili u għaldaqstant iktar insidjużi. Imma l-arma tagħna jeħtieġ li tibqa’ l-istess: it-talb, b’mod partikolari r-rużarju f’dan ix-xahar ta’ Ottubru li fih nikkontemplaw mill-perspettiva tal-Omm il-ħajja tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem għalina.