Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

 Kieku kellkom fidi

Is-Sebgħa u Għoxrin Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ


Riflessjoni


“Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu” (v. 10). Nistgħu naslu biex nagħmlu din l-istqarrija mingħajr fidi?

Il-fidi hija r-risposta tad-dixxiplu għall-imħabba tal-Imgħallem. Mhux ta’ b’xejn li aktar ma kienu qed jagħmluha mal-Mulej, aktar l-appostli bdew jintebħu li ma setgħux ikunu dixxipli awtentiċi tiegħu mingħajr fidi. L-appostli bdew jagħrfu d-dgħufija tagħhom quddiem il-Mulej Ġesù: nixtiequ nagħmlu dak li qed titlob minna, imma jidher diffiċli wisq għalina, “Kattar fina l-fidi!” L-appostli għamlu din it-talba lil Ġesù proprju wara li qalilhom, “Jekk ħuk jonqsok seba’ darbiet f’ġurnata, u jdur lejk seba’ darbiet u jgħidlek ‘Jisgħobbija,’ aħfirlu” (Lq 17, 4). Din mhux għalina wkoll tidher diffiċli? Mela aħna qaddisin?

“Kieku kellkom fidi …” (v.6). Minn dawk li jridu jimxu warajh bis-serjetà, Ġesù jitlob li jkollhom il-fidi u jisħaq li, minkejja li tkun ċkejkna “mqar daqs żerriegħa tal-mustarda,” il-fidi għandha l-qawwa li tagħmel ħwejjeġ kbar u li jidhru impossibbli, saħansitra li tqaċċat siġra tat-tut mill-għeruq u tibgħatha titħawwel fil-baħar. Tabilħaqq li l-fidi nistgħu nxebbhuha ma’ żerriegħa li meta tinżera’ għandha l-potenzjal li tikber u tagħmel il-frott. Tajjeb inżommu f’moħħna li l-fidi hija dejjem rigal li jingħatalna iżda rridu nkunu aħna li niftħu dan ir-rigal u nieħdu ħsiebu filwaqt li nħaddmuh. Jeħtieġ li ż-żerriegħa tal-fidi li nżergħet fina fil-Magħmudija, insaqquha bl-ilma ħaj biex tagħmel ħwejjeġ kbar kif jgħidilna Ġesù. Kemm qed infittxu li nibnu relazzjoni ta’ fiduċja u mħabba mal-Mulej permezz tat-talb, is-smigħ tal-Kelma u ħin fis-skiet miegħu?

Il-ħajja Nisranija hija mixja ta’ fidi li tissarraf f’ħajja ta’ qadi u servizz. Li taqdi tfisser tħobb, u Kristu proprju ġie fid-dinja bħala l-qaddej umli u jitlob mid-dixxipli tiegħu li jagħmlu dak li għamel hu. Ġesù jgħidilna, “meta tagħmlu kulma tkunu ordnati, għidu: ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn; għamilna biss dak li kellna nagħmlu’” (v. 10). Ġesù mhux qed jgħidilna li s-servizz li aħna nagħtu ma jiswa xejn, imma li nħalluh f’idejh biex iqassmu u jkattru. Fid-dawl ta’ Kristu aħna nagħrfu li aħna qaddejja umli tal-Mulej u s-servizz li aħna nagħtu ma nistennew xejn tiegħu għax permezz tiegħu nkunu biss ħarisna l-kmandament tal-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu. X’inhu dak li qed iżommna milli nħobbu mingħajr ma nistennew xejn lura?  


Talba

Iva, Mulej, jien qaddej tiegħek,
jien qaddej tiegħek, bin il-qaddejja tiegħek.
Int ħallejtli l-irbit tiegħi.
Lilek noffri sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,
u isem il-Mulej insejjaħ.

Salm 116, 16-17

Comments

L-AĦĦAR POSTS