Ir-Restawr tal-Arloġġ tal-Knisja tan-Naxxar

IR-RESTAWR TAL-ARLOĠĠ TAL-KNISJA TAN-NAXXAR

Bħalissa l-arloġġ tal-Knisja għaddej minn proċess estensiv ta’ tiswijiet u manutenzjoni. L-arloġġ kien qiegħed jieqaf ta’ spiss minħabba l-effetti taż-żmien. Huwa maħsub li l-arloġġ kien magħmul minn Tanti fis-seklu tmintax. Il-kwalità tal-ħadid ta’ dak iż-żmien ma kinetx b’saħħitha u reżisteni għall-istrapazz, u l-ingranaġġi ttieklu maż-żmien sar. Kull biċċa qiegħda ssir bl-idejn u rbattuta bħall-oriġinali.

Apparti l-magna tal-arloġġ, il-ħadid li kien imwaħħal mal-ħajt ma kellux protezzjoni kontra l-umdità u s-sadid. Dan il-ħadid qiegħed jiġi rrestawrat ukoll. L-imrietel ta’ ġol-kampnar, li  jħaddmu l-arloġġ biex idoqq it-tokki tal-ħin, ġew irrestawrati u qegħdin imwaħħlin lura     fil-post. 

Dan il-proġett huwa wieħed li qiegħed jieħu ż-żmien. Apparti l-attenzjoni u l-preċiżjoni meħtiega sabiex l-ingranaġġi jerġgħu jiġu jaħdmu bil-mod oriġinali, qiegħda tiġi installata invenzjoni tal-arluġġar Stephen Zammit stess, fejn l-arloġġ jingħata l-ħabel b’mod awtomatiku. Din l-invenzjoni diġà ġiet installata mir-restawratur f’postijiet oħra madwar Malta, fosthom anke fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta.

Bħalissa qiegħed isir xogħol fuq id-daħla fejn kien hemm il-magna tal-arloġġ. Xħin dan

ix-xogħol ikun lest, l-arloġġ jitwaħħal fil-post u jibdew isiru l-provi meħtieġa biex finalment nerġgħu ngawdu  l-arloġġ mill-ġdid.  Huwa mistenni li jekk Alla jrid, ir-restawr fuq l-arloġġ ikun fi stadju avvanzat ferm għaż-żmien tal-Milied li ġej.


Comments

L-AĦĦAR POSTS