Diskors fid-Dħul tal-Purċissjoni tal-Bambina 2022

Diskors fid-Dħul tal-Purċissjoni tal-Bambina 2022

Il-Kan. Arċ. David Gauci



Kemm hu sabiħ il-mument ta’ issa, kemm emozzjonijiet diversi fil-qlub tagħna, speċjalment din is-sena wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija. Bħalissa, iktar minn qatt qabel inħossuna familja waħda, għax il-Bambina tiġborna u tgħaqqadna flimkien bħalma omm tiġbor lil uliedha.

Id-dħul tal-Bambina lura fil-knisja wara li nkunu dawwarnieha mat-toroq ewlenin ta’ beltna nkunu nistennewh b’ħerqa kbira mhux tant għax il-festa tkun waslet fit-tmiem tagħha daqskemm għall-mumenti sbieħ li nkunu għexna flimkien. Għax tassew is-sigriet tas-suċċess huwa l-għaqda ta’ bejnietna. Din l-affermazzjoni għamilha wkoll l-E.T. il-President tar-Repubblika meta kien fostna nhar il-Ħadd li għadda.

U l-festa ta’ din is-sena wkoll kienet suċċess fl-aspetti kollha tagħha; il-funzjonijiet, it tiżjin tal-Kolleġġjata kif ukoll barra: armar, baned u nar. Naħseb ħaqqhom ċapċipa dawk involuti f’din il-ħidma kollha.

Il-festa serviet ukoll biex bħalma dejjem għamilna fis-snin l-imgħoddija, ftakarna f’dawk li jeħtiegu l-għajnuna. Mhux se noqgħod insemmi kif u lil min, għax ilkoll tafu, imma biex infakkar li aħna ma sirniex kolleġġjata biex nieħdu; aħna sirna kolleġġjata biex nagħtu, biex naqsmu, biex noffru – hekk tidher is-sbuħija tal-kolleġġjalità u l-fraternità.

Kif nagħmel ta’ kull sena, f’dan il-ħin inwasslilkom tagħrif dwar dak li jkun għaddej fil-parroċċa fejn jidħlu proġetti. Dwar il-pastorali u l-viżjoni tal-Knisja nirreferikom għall-messaġġ tiegħi fil-ktieb tal-festa u għal dak li wassaltilkom nhar is-27 ta’ Awwissu u li tistgħu ssibuh online.

Din l-aħħar sena, minkejja l-limiti li ġabet magħha l-pandemija, fil-parroċċa tagħna bqajna għaddejjin bil-proġetti li kellna ppjanati. Temmejna x-xogħol fil-Mużew Parokkjali; għamilna refurbishment fil-binja tal-Annexe, installajna sistema ġdida ta’ kompjuters fl-uffiċċju parrokkjali biex il-pubbliku jkun moqdi aħjar.

Temmejna r-restawr fuq l-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu fil-pjazza skont kif miftiehem u skont il-flus li kellna allokati għaliha. Bħalissa għaddej xogħol ta’ konservazzjoni u restawr fuq l-istatwa l-oħra jiġifieri ta’ San Ġużepp. Aktar tagħrif issibuh fil-ktieb tal-festa.

Dwar l-arloġġ tal-knisja: dan huwa proġett li qed jieħu ż-żmien. Apparti l-attenzjoni u preċiżjoni meħtieġa sabiex l-ingranaġġi jerġgħu jiġu jaħdmu b’mod oriġinali, qiegħda tiġi installata invenzjoni tal-arluġġar stess, fejn l-arloġġ jingħata l-ħabel b’mod awtomatiku. Dan il-mekkaniżmu diġà ġie installat f’postijiet oħrajn madwar Malta, fosthom fil-Konkatidral ta’ San Ġwann. Aktar tagħrif inġibuh fin-nieqa għax-xahar ta’ Ottubru. 

Dwar iċ-ċimiterju: tafu kemm saru xogħlijiet li komplew sebbħu dan il-post għażiż għalina lkoll. Xogħol ieħor ippjanat għaċ-ċimiterju huwa l-oqbra maħsuba li jinbnew tul il-ħajt tax-xellug. Dan il-proġett jinsab fil-fażi preparatorja tiegħu għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet konċernati.

Hemm il-ħsieb ukoll li jinbeda xogħol ta’ restawr fuq l-istatwa tal-Qalb ta’ Ġesù, xogħol l-iskultur Luigi Muscat fl-1934, li tinsab ukoll fiċ-ċimiterju.

Issa ilna diġà xhur naħsbu dwar xogħol ta’ restawr fil-knisja ta’ San Ġwanni l-Battista. Huwa proġett impenjattiv u li joffrilna sfida sabiex neliminaw għadd ta’ problemi kkawżati mis-siment. Ovvjament, sfida ikbar hija l-fondi, li qatt ma huma biżżejjed. 

Fil-knisja ta’ Santa Luċija sar ukoll ħafna xogħol ta’ manutenzjoni u restawr.

Kif tafu, is-sorijiet Dumnikani telqu mill-parroċċa tagħna. Il-knisja tal-Kunċizzjoni dejjem kienet proprjetà tal-parroċċa. Dwar il-kunvent, skont l-aħħar testment, jgħid li jekk is-sorijiet jitilqu mill-post, il-kunvent jaqa’ f’idejn il-parroċċa. Bħalissa qiegħed f taħditiet mal-Kurja ħalli naraw kif jista’ jsir l-aħjar użu mill-post.

Dwar il-mazza tal-Kapitlu; ix-xogħol ġie kkummissjunat lid-ditta Alencia, li min-naħa tagħha se tkun qed taħdem ma’ artiġġjana minn madwar id-dinja sabiex jinħadem ix-xogħol tal-fidda u l-ħaġar u materjal prezzjuż ieħor. Se jkun fiha erba’ armi mwaħħlin mal-erba’ faċċati tagħha; se jkunu qed jinħadmu f’gamew. Nittamaw li fil-festa ta’ sena oħra nkunu nistgħu ngawdu din l-opra  ġdida fil-kolleġġjata tagħna.

Kif wieħed jista’ jara, il-ħidma ma tieqaf qatt. Wara dan kollu hemm nies qalbiena li għax iħobbu l-parroċċa joffru mill-ħin tagħhom  b’mod volontarju u jagħtu servizz fl-oqsma kollha li semmejna.

Bħala policy jien nevita li nsemmi nies b’isimhom għax dejjem hemm ir-riskju li tisma’ lil xi ħadd. Intom ilkoll tafu min hu involut f’dawn il-proġetti  kollha. Grazzi mill-qalb lil kull min jgħin, u nagħlaq dan il-messaġġ tiegħi billi ndur lejn il-ġawhra tagħna u f’isimkom ngħidilha:

Issa li għaddiet il-pandemija,
Ilkoll fittixna li noħorġuk;
Dawwarniek mat-toroq tagħna,
Biex nuruk kemm inħobbuk.

Inħejju ruħna ħalli nirċievu l-barka ta’ Ġesu Ewkaristija u nirringrazzjawh tal-ġid kollu li sar f’din il-festa tas-sena 2022.


Comments

L-AĦĦAR POSTS