Diskors waqt il-ħruġ tal-Bambina min-niċċa: 2022

Id-Diskors tal-Arċipriet Dun David Gauci waqt il-ħruġ tal-Bambina min-niċċa: 2022 

Il-pandemija tal-Covid 19 għallmitna ħafna affarijiet, qalbet id-dinja ta’ taħt fuq, xejn ma kien baqa’ normali, u konna qed ngħixu stil ta’ ħajja li qatt ma konna nobsru jew nimmaġinaw li qatt nistgħu ngħixu.

Biss, il-pandemija ħarġet ukoll fil-beraħ x’inhuma l-prijoritajiet tagħna, x’inhu l-aktar għażiż għalina, x’inhu verament neċessarju fil-ħajja; min-naħa l-oħra wrietna dak li hu sekondarju fil-ħajja, li b’xi mod ngħaddu mingħajru. 

Meta l-lock down kien fl-aqwa tiegħu u l-virus kien qed jagħmel ħerba fid-dinja, irrealizzajna li s-saħħa hija l-iktar aspett importanti tal-ħajja. Meta kullimkien kien magħluq, il-ħwienet tal-ikel u l-ispiżerji baqgħu miftuħin.

Waqt li diversi parroċċi kienu magħluqin, il-parroċċa tagħna żammet il-Kolleġġjata miftuħa għat-talb privat. U kienu mhux ftit dawk li ta’ kuljum ġew jinviżtaw. Bħalma b’sens ta’ sodisfazzjon ngħid ukoll li konna minn ta’ quddiem sabiex għenna finanzjarjament persuni u familji fil-bżonn u b’koperazzjoni mal- Caritas Malta qassamna anke ikel lil familji fin-Naxxar. U hawn irrid ngħid grazzi kbira lil tant benefatturi li sostnewna finanzjarjament biex stajna ngħinu lil min kien fil-ħtieġa.

Għax aħna meta sirna Kolleġġjata dan ma kienx ifisser li ħadna xi kumpens jew xi privileġġ. Sirna Kolleġġjata mhux biex nieħdu xi ħaga (għax kien hemm xi ħadd qal: “Issa mur ara billi sirna Kolleġġjata, x’ħadna?). Aħna ma sirniex Kolleġġjata biex nieħdu xi ħaġa.

Aħna sirna Kolleġġjata biex nagħtu, biex nagħtu aktar minn qatt qabel, biex intejbu s-servizzi tagħna. Insemmi: Iċ-ċelebrazzjoni ta’ liturġija ħajja u parteċipattiva;  servizz ta’ pastorali msejsa fuq katekeżi soda, is-saċerdoti tagħna jgħixu iktar il-kolleġġjalità ta’ bejniethom fi fraternità saċerdotali. Mill-bidu dejjem sostnejt li l-Kolleġġjata poġġiet fuqna responsabilità, u mhux titli u unuri.

Il-Covid 19 wera wkoll x’jifhmu ħafna Maltin bil-festi tagħna. Minkejja li kemm fis-sena 2020 kif ukoll fis-sena 2021 il-festi ta’ ġewwa fil-knejjes saru kollha skont il-limiti tal-protokol sanitarju, ħafna Maltin baqgħu sal-lum jgħidu li l-festi ma sarux. Xi jfisser dan? Dan ifisser li għal ħafna minna l-festa tfisser biss armar, baned u logħob tan-nar.

Issa biex ngħidu kollox, l-aspett estern tal-festa huwa importanti u mingħajru jkun hemm ingredjent nieqes. Veru. Imma li jkunu saru l-funzjonijiet kollha fil-Kolleġġjata u tgħid li ma saritx il-festa la hu ġġustifikat u lanqas aċċettabbli.

Din is-sena differenti. Din is-sena ser nerġgħu nassistu għad-dehra meraviljuża tal-Bambina fil-bieb ewlieni tal-Kolleġġjata tagħna u fit-8 ta’ Settembru se jkollna l-grazzja li nakkompanjawha mat-toroq prinċipali ta’ beltna.

Għal dan il-għan ħejjejna programm imżewwaq għall-aħħar li fih inkludejna lil kull kategorija ta’ nies. Nixtieq minn hawn nagħmel appell imqanqal lil kull resident fin-Naxxar sabiex jingħaqad magħna fil-ġranet tan-Novena u fil-jumejn tal-festa.

Ejjew nersqu lejn dan it-tempju maestuż sabiex nisimgħu l-Kelma ta’ Alla, nersqu niedma u sogħbiena lejn is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni u nissieħbu bħala familja fiċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa u nirċievu l-Ewkaristija.

Niftakru fil-kelma tal-Papa Franġisku tul iż-żjara tiegħu fostna, meta qalilna li l-ferħ tal-Knisja hu li tevanġelizza. Mela d-dmir ewlieni tagħna biex tassew niċċelebraw festa reliġjuza kif trid minna Marija Bambina hu billi nisimgħu u nkunu parteċipi fl-evanġelizzazzjoni, fl-Aħbar it-Tajba. Dan qed titlob minnek Marija Bambina; jekk vera tħobbha aqtgħalha xewqitha.

Mhux importanti tilbisx flokk aħmar jew blu, mhux importanti tħossokx ’il bogħod minn Alla jew mill-Knisja tiegħu, tibżax jekk xi ministru ta’ Alla kien ta’ skandlu għalik. L-importanti hu li ħin jew ieħor tiġi hawn għas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u tissieħeb fl-Ewkaristija. Huwa b’dan il-mod li verament inkunu qed niċċelebraw festa reliġjuza, festa Nisranija.

Biss, noqogħdu attenti, ejjew ma npoġġux lil kulħadd f’keffa waħda. Għajb għalina jekk minħabba l-ftit ħżiena jeħlu t-tajbin l-oħra kollha. U dan li qed ngħid jgħodd għal kull istituzzjoni kif ukoll għal kull professjoni. Konvint li lkoll qed tifhmuni. U ħa ngħid ħaġ’oħra. Il-Knisja kienet, għadha u tibqa’ relevanti, minkejja d-dnubiet tal-ministri tagħha.

Jien, il-verità dwar il-Knisja u dwar il-qassisin ma nfittixhiex fil-kummenti tal-Maltin fuq Facebook, għax il-ħidma tagħna ssir fis-skiet u l-ġabra u mhux b’ħafna daqq ta’ trombi.

Il-Knisja ilha mwaqqfa għal iżjed minn 2000 sena; matul is-sekli kien hawn bosta li riedu jeqirdu l-Knisja, imma tajjeb niftakru li wara kull persekuzzjoni, il-Knisja ħarġet iktar b’saħħitha. Niftakru wkoll fil-wegħda li Ġesù għamel lill-Knisja tiegħu: “jiena magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien.”

Nirreferikom ukoll għall-messaġġ li wassaltilkom fil-ktieb tal-festa għal din is-sena u hemm ukoll taraw kemm għandna Knisja ħajja. Inħeġġeġ lil dawk li għadhom ma qrawhx ħalli jsibu ħin u jaqrawh.

Ħallukom mill-quddiesa fuq it-TV. Dawk li jsegwu l-quddiesa fuq it-TV żgur li semgħu lill-Arċisqof jappella ta’ spiss biex nirritornaw lejn il-knejjes tagħna. Jalla dan l-appell tar-ragħaj spiritwali tagħna ma jaqax fuq widnejn torox.

Ħa nsemmi biss xi punti mill-programm li qassamna. Kif tafu, għada nfakkru it-tielet anniversarju mit-twaqqif tal-Kolleġġjata u tal-Kapitlu tal-Kanonċi fi ħdanha. Iċ-ċelebrant ewlieni se jkun l-E.T. Mons. Ġorġ Bugeja, Vigarju Appostoliku fi Tripli, il-Libja, li ġej apposta għal din l-okkażjoni. Il-konċelebrazzjoni tibda fil-5.30 pm.

Imbagħad, il-ġranet tan-Novena huma kollha ddedikati lil kategoriji differenti fi ħdan il-Parroċċa. Aqraw il-programm u segwu dak li hemm fih. Iċ-ċelebrant principali fil-quddiesa l-kbira ta’ nhar il-festa fil-għodwa tat-8 ta’ Settembru se jkun l-E.T. Mons Ġorġ Frendo, Arċisqof Emeritu ta’ Durres, l-Albanija, li jinseġ ukoll il-Paniġierku.

Kif kulħadd jaf, effett ieħor tal-Covid 19 kien l-aspett finanzjarju; u kif kulħadd jaf ukoll, kulħadd huwa magħfus din is-sena; uħud minnkom jgħiduli: “Arċipriet, trid teqred għall-flus, trid tgħidilhom u terġa’ tgħidilhom lin-nies. Le, jien ma rridx indejjaqkom; le, m’iniex se ngħidlkom li ma rridx nara ċenteżmi fil-qoffa.

U jien ċert li jekk nibda nappella l-ħin kollu għall-flus, xorta waħda naqlagħha. Bħalma ġara mal-arċiprieti ta’ qabli hekk jiġri miegħi. Mhux minnek trid tiġi. Tippretendi li nagħmlu festa biċ-ċenteżmi jew li mmexxi parroċċa bil-boqxiex? Jien nirrispetta l-intelliġenza tagħkom.

Infakkar biss li barra l-ispejjeż rikorrenti, ħallasna 30,000 ewro lifter, ħriġna 33,000 ewro bħala parti mill-ħlas tar-restawr tal-Kolleġġjata, irridu nħallsu ’il fuq minn 30,000 ewro għall-mazza tal-Kapitlu.

Kulħadd jaf li l-ispejjeż żdiedu, u d-dħul naqas.

U dan japplika kemm għalina bħala parroċċa kif ukoll għall-għaqdiet tal-armar, tan-nar u tal-baned. Mhux għaqal li tagħmel festa bid-dejn. Għaldaqstant, intom tifhmu li lkoll konna kostretti li nnaqqsu minn dak li sar fil-festa tas-sena 2019, u dan japplika kemm għall-festi ta’ ġewwa kif ukoll għall-festi ta’ barra. 

Il-festa mhix l-unika attività fil-pastorali tagħna li tqumilna l-flus, imma l-iktar waħda. Wasal iż-żmien li jibda jsir budget aħjar ta’ kif nonfqu l-flus. Għad jasal żmien u mhux fil-bogħod li jibda jkollna nħallsu katekisti biex iħejju lil uliedna għas-sagramenti tal-bidu tal-ħajja Nisranija. U kif diġà aċċennajt, il-katekeżi hija u trid tkun prijorità fil-programm pastorali tal-Parroċċa.

Naħseb tafu biżżejjed li hawn kriżi ta’ vokazzjonijiet, mhux biss fis-saċerdoti u r-reliġjużi imma anke fl-oqsma tal-MUSEUM u l-katekisti. Ilu li oqsma tal-Museum bdew jingħaqdu flimkien għax ma hawnx min jgħallem. Smajna wkoll dan l-aħħar fl-aħbarijiet li se jingħalqu żewġ parroċċi. Wasal iż-żmien li nirrevedu l-ammont ta’ quddies li għandna fil-parroċċa kemm dawk ta’ fost il-ġimgħa kif ukoll dawk tal-Ħdud.

Min hu sinċier miegħu nnifsu jammetti li mhux kumdità għandna ta’ quddies, imma lussu. Jien nitkellem bl-istatistika. Hawn parroċċi ikbar minna f’Malta u li għandhom saċerdoti iktar minna imma li għandhom quddies inqas minna. 

Nagħlaq billi minn hawn nerġa’ nirringrazzja lil dawk kollha li jagħtu s-sehem tagħhom fil-ħajja tal-parroċċa; ta’ wħud jidher, ta’ oħrajn isir fis-satra.  Nirringrazzja lil numru ta’ voluntiera li jaħdmu għall-festa mhux biss f’dawn il-ġranet imma s-sena kollha.

U grazzi lilkom ilkoll, ħuti Naxxarin, li dejjem insibkom mhux warajja imma ħdejja, naħdmu id f’id għall-ġid tal-għażiża parroċċa sabiħa tagħna. Nawgura festa sabiħa u fuq kollox qaddisa, festa li tgħinna sabiex nersqu aktar lejn Alla, u nitlob li Marija Bambina, Patruna tagħna, tkompli żżommna fi ħdanha u tħarisna sakemm naslu lkoll għand binha Ġesù. Ammen.

L-AĦĦAR POSTS