Thursday, July 30, 2020

CIRKULARI MILL-KURJA


MIŻURI GĦALL-ĦARSIEN TAL-ĦAJJA U TAS-SAĦĦA

Nixtiequ nirringrazzjaw ħafna lil dawk kollha li tul dawn ix-xhur li għaddew ħadmu bis-sħiħ biex iħarsu l-miżuri li l-Knisja adottat għall-ħarsien tal-ħajja u tas-saħħa tagħna u tal-oħrajn. Nenfasizzaw li aħna għandna r-responsabbiltà li nkomplu nħarsu bir-reqqa l-miżuri, li kienu ppubblikati fil-ġimgħat li għaddew u li għadhom fis-seħħ. Infakkru b’mod partikulari:

-        fid-distanza soċjali ta’ żewġ metri li għandha tinżamm fil-knejjes u f’postijiet oħra;
-        fl-użu regolari tas-sanitizers skont il-ħtieġa, u d-disinfettar tal-oġġetti b’mod regolari;
-        fl-importanza li n-nies jilbsu l-visors jew il-maskri waqt iċ-ċelebrazzjonijiet fil-knisja jew f’attivitajiet oħra;
-        fil-miżuri oħra rigward iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, per eżempju fuq kif għandu jsir it-tqarbin.

Infakkru wkoll li għandna nispjegaw lin-nies l-importanza ta’ dawn il-miżuri u speċjalment l-attenzjoni kbira għall-persuni vulnerabbli.

Irridu wkoll nenfasizzaw li l-Knisja ddeċidiet li l-festa għal din is-sena tkun iċċelebrata b’quddiesa u b’pellegrinaġġ, fejn jiġu rispettati wkoll dawn il-miżuri. Infakkru għalhekk li fil-quddiesa tal-festa wkoll għandhom jiġu mħarsa dawn il-miżuri, kif ukoll fil-pellegrinaġġ. Jekk ikun hemm żviluppi dwar dan, int tkun mgħarraf mal-ewwel.

Għandha tkun ċara għal kulħadd – u għal min mhijiex ċara, niċċarawhielu – li l-Knisja mhijiex responsabbli għal marċi, parties, u attivitajiet oħra li jistgħu jsiru minn entijiet oħra anke fi żmien tal-festa. Għall-marċi jridu jerfgħu r-responsabbiltà l-Każini tal-Banda u l-pulizija li jagħtuhom permess, u għal kull attività għandu jerfa’ responsabbiltà min jorganizzaha. Il-Knisja tinnota li wħud mill-Każini tal-Banda diġà ħadu d-deċiżjoni li jikkanċellaw il-marċi brijużi għal din is-sena u tirringrazzjahom għas-sens ta’ responsabbiltà li wrew.

Mogħtija mill-Kurja Arċiveskovili llum 30 ta’ Lulju 2020.




Lawrence Gatt                                                                  X Joseph Galea Curmi
Kanċillier                                                                         Isqof Awżiljarju