ITTRA PASTORALI TAR-RANDAN 2019


ITTRA PASTORALI GĦAR-RANDAN 2019

TIBŻGĦUX TIEĦDU LIL MARIJA GĦANDKOM

Aħna nies li nħobbu d-dar. Huwa minnu li ssib min ikun dejjem barra għax jibża’ li d-dar
ser taqa’ fuqu; imma l-kotra ta’ ġensna għandhom qalbhom marbuta mad-dar tagħhom.
Għalihom id-dar hija kollox. Dan bir-raġun, għax bejn dawk l-erba’ ħitan tad-djar tagħna
jintgħaġnu l-karattri tagħna u jintisġu stejjer meraviljużi: stejjer ta’ familji li fihom l-għaxqa,
stejjer ta’ ġenerożità kbira, bħal fil-każ ta’ dak il-ġuvni li jibqa’ d-dar jieħu ħsieb il-ġenituri
anzjani; stejjer li ma jitwemmnux meta tara ġenituri ssagrifikati għal uliedhom, speċjalment
fejn ikun hemm xi wild bi ħtiġijiet speċjali; stejjer erojċi, bħal fejn hemm mard serju u
l-familja kollha tkun iddedikata għall-marid.

Imma mbagħad hemm djar fejn jinkitbu stejjer li tkun tixtieq li qatt ma seħħew, bħal fil-każ
ta’ ġenituri li qed jgħixu waħidhom għax uliedhom insewhom; bħal fejn hemm ġrieħi
miftuħa minħabba l-vjolenza domestika u l-abbuż; jew bħal fejn hemm it-tbatija li jġibu
magħhom żwiġijiet imkissra. Hemm min saħansitra kellu jibdel daru għax ma setax
jissaporti z-zekzik tal-ġirien. Hemm djar milquta sew mill-faqar. Hemm djar fejn rifset
il-mewt u ħasdet ħajja li kienet għadha qed tiftaħ bħal warda. Spiss, meta niltaqgħu
flimkien, aħna l-Isqfijiet nesprimu t-tħassib komuni tagħna dwar dawn id-djar u oħrajn
bħalhom.

Aħna ma għandniex soluzzjonijiet tekniċi għal dawn il-problemi ta’ natura affettiva,
ekonomika u soċjali; imma nemmnu li għandna proposta li għandha qawwa tremenda.
F’ċirkustanzi bħal dawn inħossu li għandna ntennulkom dak li San Pietru qal lill-magħtub
li kien ħdejn il-bieb tat-Tempju: “Fidda u deheb ma għandix; imma dak li għandi ser
nagħtihulek: fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi!” (Atti 3:6). Għax dak il-magħtub
emmen fil-qawwa ta’ Kristu, “minnufih riġlejh u l-għekiesi tiegħu ħadu saħħithom; u malajr
qabeż fuq riġlejh u beda jimxi” (Atti 3, 7-8). Meta nistiednu lil Ġesù jidħol fid-dar tagħna,
il-preżenza tiegħu tagħmel il-mirakli. Hekk ġara meta Ġajru sejjaħ lil Ġesù fid-dar tiegħu
għax bintu kienet marida serjament. Anzi, meta Ġesù wasal id-dar, sab nies jibku u jixhru
għax it-tifla kienet mietet. Imma Ġesù daħal fejn kienet it-tfajla, qabdilha idha u qalilha:
“Tahlita, qum,” u minnufih it-tfajla qamet u bdiet timxi (ara Mk 5, 21-43).

Ma nistagħġbux li jista’ jkun hawn min jitbissem meta jisma’ b’din il-proposta tagħna;
dakinhar li Ġesù sab ruħu fid-dar ta’ Ġajru, kien hemm min iddieħak bih għax ma emmnux.
Lanqas ma narawha bi kbira li fostna jaf ikun hemm min jaħseb li mhux den biżżejjed li
Ġesù jidħol fid-dar tiegħu. Spiss jiġri li aħna tant inkunu konxji mid-dgħufijiet tagħna u
mill-imbarazz spiritwali u morali li jista’ jkollna fid-dar tagħna, li naqtgħuha li Ġesù ma
jagħmilhiex ma’ nies tal-qatgħa tagħna, u għalhekk jagħlaq widnejh għall-istedina tagħna.

Hemm min jaħseb li meta Ġesù jgħaddi mit-triq tagħna, jaqbiżna u jibqa’ għaddej! Imma
l-ġrajja ta’ Żakkew mhux biss turina li Ġesù jidħol ukoll fid-dar ta’ midneb pubbliku
mistkerrah minn kulħadd, imma saħansitra li Ġesù stess jistieden lilu nnifsu biex imur
għandu: “Żakkew, isa, inżel minn hemm, għax illum jeħtieġli noqgħod għandek” (Lq 19:5).
Li Ġesù kien komdu fid-dar mal-midinbin jidher ukoll meta hu kien għall-ikel għand Xmun
il-Fariżew; meta Ġesù ħalla mara midinba magħrufa “xxarrablu riġlejh bi dmugħha u
tixxottahomlu b’xuxitha; imbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ” (Lq 7:38). Kollox
jikkonfermalna li Ġesù ma jidħolx fid-dar għax ikun hemm l-ordni, imma jkun hemm l-ordni
fid-dar wara li jidħol Ġesù! Tajjeb li nżommu quddiem għajnejna li Kristu miet għalina meta
aħna konna għadna midinbin (ara Rum 5:8). Għax kif jgħidilna San Ġwann, “aħna nħobbu,
għax hu ħabbna l-ewwel” (1 Ġw 4:19). Dwar dan, Santu Wistin jikkummenta li Alla ħabbna
meta aħna ma konniex ta’ min iħobbna.1 Kristu, li huwa l-isbaħ fost ulied il-bnedmin, miet
għalina li konna koroh u mħawdin.

L-għarajjes ta’ Kana
Lil dawk li jsibuha ftit bi tqila biex jilqgħu lil Ġesù d-dar tagħhom, b’umiltà u mħabba
nagħtuhom parir biex jagħmlu bħall-għarajjes ta’ Kana: ma jibżgħux jieħdu għandhom lil
Marija. Għax dak li seħħ fid-dar tal-għarajjes ta’ Kana jseħħ illum fi djarna: Marija tiġbed
lil Ġesù warajha. Fejn hemm hi, ikun hemm hu. Hija tgħinna niskopru u nduqu t-tjubija
tal-imħabba li Ġesù għandu lejn kulħadd, imma b’mod partikulari lejn dawk li ħabta u sabta
jaraw id-dar tagħhom ‘nieżla’.

Dak li kien ser jiġri f’Kana għax naqashom l-inbid, fid-djar tagħna jista’ jiġri meta tfaqqa’ xi
kriżi serja, bħal meta l-aħwa jiksruha ma’ xulxin, meta ġenitur isib ruħu bla xogħol, meta
xi ħadd fil-familja jiċċappas bid-droga, meta tixxellef il-fedeltà fiż-żwieġ, meta l-futur
tal-familja jiċċajpar, meta jibdew jitmermru l-prattiċi reliġjużi u jċedu s-sisien tal-fidi, u sfidi
oħra.

Is-serenità fid-djar tagħna tittiefes ukoll jekk fis-soċjetà ta’ madwarna, li hija “d-dar komuni
tagħna”,3
ikun hemm sitwazzjonijiet li jħassbuna, bħalma huwa t-tnaqqir tal-fiduċja
fl-istituzzjonijiet li huma l-pedament tad-dar, in-nuqqas ta’ rispett lejn il-ħajja tal-bniedem
sa mill-bidu nett tagħha fil-ġuf, il-faqar, il-qerda tal-ambjent, it-tixrid tad-droga fost iż-żgħar,
il-korruzzjoni, u ħwejjeġ oħra.

Għalina li nemmnu, ma jistax jonqos li dawk l-affarijiet negattivi fil-Knisja, bħalma huma
l-għeluq, ir-reżistenzi għat-tiġdid indikat mill-Papa Franġisku, u l-eżempji ħżiena, ikollhom
eku fid-djar tagħna.
Il-mumenti ta’ prova

F’mumenti inkwetanti bħal dawn għandna bżonn nisimgħu lil Ġesù msallab itennilna
l-istedina li għamel lil Ġwanni filwaqt li wrieh lil Marija: “Hawn hi Ommok,” u bħal Ġwanni
nieħdu lil Marija d-dar tagħna. Min-naħa tagħha, Marija toffrilna t-tweġiba għax tindikalna
lil Ġesù u tgħidilna: “Agħmlu kulma jgħidilkom hu” (Ġw 2:5). Kif josserva l-Papa Franġisku,
li aħna nilqgħu lil Marija f’darna huwa t-testment ta’ Ġesù. Marija ġġib magħha “l-atmosfera
tad-dar” għax hi ġarrbet xi tfisser dar fejn jgħammar Alla.4

Il-fatt li “l-Mulej kien magħha”
ma jfissirx li fid-dar ta’ Marija kollox kien ward u żahar. Kif jiġri fid-djar tagħna, f’darha
Marija kellha d-diffikultajiet u l-isfidi tagħha, imma hija għexet dawn il-mumenti iebsa
konvinta li Alla kien is-Salvatur tagħha li xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu, li
għamel magħha ħwejjeġ kbar u li firex fuqha l-ħniena tiegħu (ara Lq 1, 46-55).
Fid-dar ta’ Nazaret mhux biss kien hemm mumenti fejn Marija u Ġużeppi ma fehmux lil
xulxin mill-ewwel, imma wkoll nuqqas ta’ qbil bejn il-ġenituri u binhom bħal meta ntilef
f’Ġerusalemm, tant li Marija b’qalb maqsuma tgħid lil Ġesù: “Ibni, għaliex għamiltilna
hekk?” (Mt 2:48). Għalhekk, Marija tifhem lil dawk il-familji fejn hemm it-tensjonijiet bejn
il-koppja jew bejn il-ġenituri u l-ulied.

Id-dar ta’ Nazaret taf xi tfisser kriżi ta’ fidi, għax kemm Marija u kemm Ġużeppi jitħawdu
quddiem dak li Alla jitlob minnhom, tant li hemm min sejjaħ din id-dar “id-dar tal-prova”.
Hija d-dar fejn Marija u Ġużeppi jieħdu ż-żmien biex jifhmu u jaċċettaw ir-rieda ta’ Alla
għalihom. Hija d-dar fejn Alla jgħinhom jeħilsu mill-biża’. Għaldaqstant, Marija għandha
postha anki fid-djar ta’ dawk li għaddejjin mil-lejl mudlam tal-fidi u qed jissaraw ma’ Alla.
Meta Marija għaddiet tliet xhur fid-dar ta’ qaribtha Santa Eliżabetta, min jaf kemm semgħet
rakkonti ta’ din il-koppja anzjana li għaddiet ħajjitha fl-għajb tan-nies (ara Mt 1:25) għax
ma kellhiex tfal!

Marija għalhekk tifhem lil dawk il-koppji li għandhom diffikultà biex jibdew jibnu l-familja tagħhom. Fil-ħemda u s-satra ta’ darha Marija tgħallmet xi prezz għoli switilha l-maternità tagħha, bħal meta kien jaslilha li n-nies kienu jgħajru lil binha Ġesù li huwa “wikkiel, sakranazz, ħabib tal-pubblikani [jiġifieri nies mill-agħar] u l-midinbin” (Mt 11:19), jew meta semgħet lill-qraba jgħidu li Ġesù kien “tilef moħħu” (Mk 3:21).

Fid-dawl ta’ din l-esperjenza, Marija tifhem lil dawk il-ġenituri li wliedhom huma kkalunnjati u mgħajra, u hija solidali ma’ dawk il-familji fejn hemm il-mard jew l-għeja mentali. Marija, li sieħbet lil Binha fit-triq tal-Kalvarju, kienet taf bit-tradiment ta’ Ġuda, biċ-ċaħdiet ta’ Pietru, bl-abbandun tad-dixxipli. Għalhekk hija ma tħosshiex skomda tkun f’dawk id-djar fejn daħlet l-infedeltà – hija tifhem dawk il-koppji u familji mkissra b’xi tradiment. Marija, li baqgħet wieqfa ħdejn is-salib, hija qrib il-familji msallbin.

Marija, li wara l-mewt ta’ Ġesù kienet miġbura mal-Appostli magħluqa u mbeżżgħa fiċ-Ċenaklu, illum tassisti lil dawk li għal xi raġuni jew oħra jinsabu magħluqa f’darhom għax qatgħu qalbhom mill-ħajja u ma għandhomx il-ħila joħorġu u jittamaw.

Il-Madonna Ta’ Pinu Nhar l-Erbgħa bdejna r-Randan, żmien li matulu, bis-smigħ attent tal-Kelma ta’ Alla, it-talb, il-penitenza u l-karità, aħna nitħejjew biex fl-Għid il-Kbir nilqgħu mill-ġdid lil Kristu Rxoxt fil-ħajja tagħna. Kif dakinhar li Ġesù qam mill-mewt huwa mar fid-dar fejn id-dixxipli kienu miġbura flimkien imbeżżgħa mil-Lhud u bil-bibien magħluqa, u hu qagħad f’nofshom u tahom il-paċi (ara Ġw 20:19), hekk hija xewqa kbira tagħna li f’dan l-Għid il-Kbir Ġesù jiġi joqgħod magħna fid-djar tagħna. Imma kif dakinhar fid-dar tad-dixxipli kien hemm Marija (ara Atti 1:4), hekk ukoll illum ejjew ma nibżgħux nieħdu lil Marija għandna, partikularment matul dan ir-Randan, biex Marija tgħinna nitħejjew għal din iż-żjara ta’ Kristu Rxoxt. Din is-sena ħassejna li għandna nqiegħdu quddiemkom lil Marija, Omm Ġesù u Omm tagħna, għaliex qegħdin infakkru l-400 anniversarju tal-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu – dak il-kwadru li minnu fl-1883 il-Madonna sejħet lil Karmni Grima u Franġisk Portelli. Dakinhar hi qalet lil Karmni biex tgħid tliet Ave Marijiet f’ġieħ it-tlett ijiem li ġisimha dam fil-qabar qabel ma ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.

Fi kliem ieħor, fil-ġrajja tas-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu għandna rabta bejn l-Għid ta’ Kristu u l-Għid ta’ Marija. Li kieku dan il-kwadru kellu jitkellem, min jaf kemm jirrakkontalna esperjenzi sbieħ tal-Għid li seħħew bejn il-ħitan ta’ ħafna mid-djar tagħna! L-esperjenzi li intom taqsmu magħna r-ragħajja spiritwali tagħkom jiżbqu l-miraklu ta’ Kana! Napprezzaw li f’ħafna mid-djar tagħna hemm xbieha tal-Madonna Ta’ Pinu, għax fejn hemm Marija jkun hemm Ġesù.

U fejn hemm Ġesù hemm il-ħajja li tegħleb il-mewt, il-grazzja li teħles mid-dnub, it-tama li
terfa’ min-niket, il-maħfra li tinfaxxa l-miksur, il-ferħ li jkeċċi d-dwejjaq, is-sliem li jtemm kull
ġlied.

F’dan iż-żmien tar-Randan inħallu għalhekk lil Ġesù Msallab “jibgħatna għand Marija –
jibgħatna għandha għax ma jridx li nimxu mingħajr Omm”.

Meta niftakru li r-Rużarju huwa
talba għal qalb Marija u b’riflessjonijiet dwar Ġesù, nistiednu lill-familji tagħna biex jgħidu
spiss din it-talba sabiħa. Inħeġġu lil dawk li jistgħu biex matul dan iż-żmien jagħmlu
pellegrinaġġ lejn is-Santwarju Ta’ Pinu – din il-mixja tfakkarna li fil-ħajja tagħna Marija hija
l-pellegrina tal-fidi, li takkumpanjana fil-mixja tagħna lejn id-dar tal-Missier. Din il-mixja
tkun sħiħa jekk twassalna biex niċċelebraw is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u nduqu
t-tgħanniqa kollha ħniena tal-Mulej.

Nirrakkomandaw ukoll li matul dan iż-żmien liturġiku,
flimkien mat-talba devozzjonali tal-Via Crucis, tiġi skoperta t-talba tal-Via Matris fejn
nikkontemplaw l-istazzjonijiet tal-mixja ta’ fidi u dulur li Marija għamlet qabilna bħala
dixxiplu ta’ Binha.7 Nipproponu lis-saċerdoti biex matul is-Sibtijiet tar-Randan, sa fejn
liturġikament possibbli, issir waħda mill-Quddies issuġġerit mill-Missal Marjan għal dan
iż-żmien liturġiku. Fit-tħaddim tal-ministeru tal-ħniena, nirrakkomandawlhom biex – fuq
l-eżempju ta’ Kristu – lill-penitenti tagħhom jibagħtuhom għand Marija sabiex jafdaw
dejjem aktar ħajjithom f’idejha.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.

 Charles J. Scicluna  
 Arċisqof ta’ Malta 

Mario Grech
Isqof ta’ Għawdex

 Joseph Galea-Curmi
 Isqof Awżiljarju ta’ Malta  



Comments

L-AĦĦAR POSTS