QADDEJ TA’ ALLA P. AVERTAN FENECH, KARMELITAN
Arċidjoċesi ta’ Malta
Ċirkulari Numru 33
Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani, Retturi ta’ Knejjes
u Superjuri Reliġjużi
GĦELUQ
TAL-INKJESTA DJOĊESANA
GĦALL-KAWŻA
TAL-BEATIFIKAZZJONI U KANONIZZAZZJONI
TAL-QADDEJ
TA’ ALLA P. AVERTAN FENECH, KARMELITAN
“Faħħru
lill-Mulej għaliex hu tajjeb, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu” (Salm 118, 2). B’dawn is-sentimenti
f’qalbna ta’ ferħ spiritwali u radd ta’ ħajr lil Alla, inħabbru li bil-għajnuna
ta’ Alla waslet fi tmiemha l-Inkjesta Djoċesana dwar il-ħajja tal-virtù,
il-fama tal-qdusija fil-ħajja u wara l-mewt tal-Qaddej ta’ Alla P. Avertan
Fenech, Karmelitan, flimkien
mal-inkjesta dwar il-fama tal-għeġubijiet maqlugħa minn Alla bl-interċessjoni
ta’ dan il-Qaddej ta’ Alla.
Għaldaqstant,
wara li t-Tribunal imwaqqaf minn Mons. Arċisqof nhar
it-2 ta’ Frar 2017, għarbel lil dawk miġjuba b’xhieda quddiemu u lil bosta
oħrajn li resqu minn rajhom, wara li l-membri tal-Kummissjoni Storika għal din l-Inkjesta ġabru d-dokumentazzjoni
dwar dan il-każ, u wara l-parir pożittiv mogħti mit-teoloġi magħżula biex
jgħarblu l-kitbiet tal-Qaddej ta’ Alla, l-għeluq tal-Inkjesta Djoċesana dwar
il-ħajja qaddisa, il-fama tal-qdusija u l-għeġubijiet, tal-Qaddej ta’ Alla P.
Avertan Fenech, Karmelitan, se jiġi
ċċelebrat nhar l-1 ta’ Novembru 2017, Solennità
tal-Qaddisin Kollha u l-jum li fih huwa għadda għall-ħajja ta’ dejjem.
Iċ-ċelebrazzjoni
se ssir fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann,
il-Belt Valletta, bir-Rit Kanoniku tal-Għeluq
tal-Inkjesta Djoċesana fil-5.00 p.m. u wara
ssir il-Quddiesa Solenni ta’ Radd il-Ħajr lil
Alla għall-għeluq ta’ din l-Inkjesta fil-Kawża
tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla P. Avertan Fenech.
Għaldaqstant
inħeġġu lill-Poplu ta’ Alla biex iħejji ruħu spiritwalment għal din
il-ġrajja ta’ grazzja fl-Arċidjoċesi ta’ Malta, u li dakinhar tal-1 ta’
Novembru ningħaqdu lkoll flimkien fil-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta,
għaċ-ċelebrazzjoni tal-għeluq tal-Inkjesta Djoċesana f’din il-Kawża ta’
Beatifikazzjoni biex infaħħru lil Alla u nroddulu ħajr talli huwa dejjem
iqajjem fost il-poplu tiegħu eżempji u mudelli jiddu ta’ ħajja nisranija u
evanġelika.
Maħruġa mill-Kurja Arċiveskovili ta’ Malta, illum, 12 ta’
Ottubru 2017.
Lawrence Gatt Joseph Galea Curmi
Kanċillier
Vigarju Ġenerali