FTUĦ TAL-KAWŻA GĦALL-BEATIFIKAZZJONI U GĦALL-KANONIZZAZZJONI TAL-QADDEJ TA’ ALLA, P. AVERTAN FENECH, KARMELITAN (1871-1943)
CHARLES J. SCICLUNA
GĦALL-GRAZZJA TA’ ALLA
U TAS-SEDE APPOSTOLIKA
ARCISQOF TA' MALTA
Proċess tal-Beatifikazzjoni
u tal-Kanonizzazzjoni
tal-Qaddej ta' Alla
P. Avertan Fenech (1871-1943)
Karmelitan
EDITT
P. Avertan Fenech huwa wild ewlieni u waħdieni ta’ Duminku Fenech e Marija
Attard. Huwa twieled nhar l-10 ta’ Lulju 1871 il-Mosta u ġie mgħammed l-għada
fil-Knisja Parrokkjali u semmewh Luigi għal San Alwiġi Gonzaga li bħalu kellu
jispikka għall-virtù tas-safa. Mid-dar huwa tgħallem jitlob u jikber fil-fidi.
Il-familja għalkemm fqira kienet għanja fil-ħajja tal-fidi. Missieru ħien
jaqta’ l-ġebel f’barriera u ommu kienet seftura mas-sinjuri Grech Mifsud. Dawn
is-sinjuri kellhom dar il-Belt biswit is-santwarju tal-Karmnu u aktarx li minn
hemm huwa wiret l-imħabba lejn il-Madonna tal-Karmnu. Luiġi kellu karattu
sensibbli, u galbat, dejjem jilqgħek bit-tbissima fuq wiċċu. Imġiebtu ma sħabu
kienet eżemplari u kien juri li miġbud għall-ħajja tat-talb u l-virtù, hekk li
l-Arċipriet tal-Mosta għażel li jagħmillu l-Preċett qabel il-Griżma, ħaġa
rarissima, dak iż-żmien. Iktar ma beda
jikber, kompliet tikber miegħu is-sejħa għall-ħajja reliġjuża Karmelitana u meta lill-ġenituri wrihom din ix-xewqa huma
bagħtuh jistudja l-Latin u t-Taljan għand qassis in-Naxxar. Fis-6 ta’ Frar 1888
il-Vigarju Provinċjali P. Lwiġi Malfatti laqgħu fin-novizzjat il-belt u sena
wara pprofessa fl-oratorju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt. Imbagħad nhar is-
27 ta’ Frar 1892 ipprofessa solenni fl-oratorju tan-Novizzjat fil-Belt. Wara
dan huwa kompla l-formazzjoni fil-kunvent il-ġdid ta’ San Ġiljan u kellu
b’surmast lil P. Francesco Raiti li iktar tard ġie magħżul isqof ta’
Trapani. Fl-1896 ġie magħżul bħala
prefett tal-kjeriċi minħabba l-ħajja virtuża u integra tiegħu u fil-5 ta’ Lulju
1896 ġie ordnat saċerdot mill-Isqof ta’ Għawdex Giovanni Camilleri OSA u
ċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni fis-Santwarju tal-Karmnu fil-Belt Valletta.
Mal-ordinazzjoni ntefa’ għall-ministeru tal-qrar u d-direzzjoni spiritwali.
Ukoll l-imġieba tiegħu kemm waqt it-talb u l-quddiesa kif ukoll
fil-komportament tal-ħajja ta’ kuljum u fir-relazzjoni ma’ ħutu fil-komunità
kienet ta’ edifikazzjoni u ammirazzjoni speċjalment għax kien jgħix tassew
kontinwament fil-preżenza ta’ Alla. Il-modestja, l-umità, il-faqar u s-safa
tiegħu kienu jqanqlu lin-nies jersqu għandu għall-qrar u d-direzzjoni
spiritwali, fosthom Dun Mikiel Gonzi, li iktar ’il quddiem sar Arċisqof ta’
Malta, u li kien lettur is-Seminarju, kif ukoll is-seminaristi. Mons. Ġużeppi
de Piro stqarr mal-isqof li s-seminaristi kienu jmorru jqerru għand dan
il-patri Karmelitan ta’ fama qaddisa flok għand il-konfessur tas-seminarju.
Il-ħajja ta’ reliġjuż tassew
u kif għandu jkun qanqlet lis-superjuri tiegħu biex iqegħduh l-ewwel bħala
viċi-surmast u imbagħad bħala surmast tan-novizzi. Huwa dam 26 sena jaqdi dan
il-ministeru b’dedikazzjoni u b’eżempju kbir għal dawk li għaddew minn taħt
idejh. Minnu tgħallmu jaħarbu l-għażż,
jgħixu ħajja ta’ talb u osservanza reliġjuza tar-Regola, fl-ubbidjenza,
fil-faqar evanġeliku u fis-safa u qadi tal-poplu ta’ Alla skont l-ispirtu u
l-kariżma tal-Karmelu. F’dan ir-rwol tiegħu P. Avertan ġibed l-ammirazzjoni ta’
bosta fi żmien l-epidemija tal-Ispanjola fil-kura personali li kien jieħu
tan-novizzi milquta minn din l-epidemija, b’riskju wkoll għal ħajtu.
P. Avertan qeda diversi
uffiċċji fosthom bħala delegat provinċjali għall-Kapitlu Ġenerali f’Ruma fl-1919
fejn ħalla mpressjoni fuq il-Pirjol Ġenerali u fuq il-kapitulari minn madwar
id-dinja, għall-umiltà, l-ispirtu ta’ talb u l-manswetudni tiegħu. Kulħadd kien
iżommu b’qaddis, kemm ħutu r-reliġjużi kif ukoll in-nies li kienu jfitxuh
għall-qrar u d-direzzjoni spiritwali. Kien ta’ edifikazzjoni
fis-sabar qalb it-tiġrib u offra lilu nnifsu għall-konverżjoni tal-midinbin.
Il-qdusija u l-virtujiet tiegħu spikkaw l-iktar fi żmien il-mard kawża ta’ attakk
qawwi ta’ pupplesija fl-1932 li ħallih b’ġismu nofsu paralizzat u b’fommu
mbikkem. Is-sodda tal-mard u s-siġġu tar-roti li fuqhom dam għal 11 il-sena u
nofs saru issa mhux biss is-salib tiegħu imma wkoll il-pulptu li minn fuqhom
kien iwassal il-Vanġelu. P. Avertan qatt ma kien predikatur. Leħnu ma kienx
jagħtih, imma dejjem ippriedka bl-eżempju ta’ ħajtu u issa f’dan il-mument
spikka bl-eżempju ta’ virtù u l-għaqda ma’ Alla f’rassenjazzjoni serena
mar-rieda ta’ Alla. Qatt ma naqas mit-tbissima lil min kien iżuru, qatt ma
lmenta fuq nuqqas ta’ ikel kemm minħabba l-għaks tal-gwerra kif ukoll għax ma
setax jiekol ikel solidu. Fil-kunvent minkejja li ppruvaw jieħdu ħsiebu kif
setgħu kien hemm skarsità fl-ikel u anke fil-kumdità. Il-kunvent ġie trasformat
f’uffiċini tas-Servizzi Ċivili bil-ħaddiema tad-Dockyard, il-patrijiet ukoll
kienu jsostnu b’karità r-refuġjati tal-gwerra. Nieqes minn kollox issa kien
tassew jixbah lill-kurċifiss li lejh kien iħares u lilu kien juri meta kienu
jitħassruh. F’din il-qagħda huwa tassew kif jgħid San Pawl kien qed jgħix il-ħajja
moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Xewqa waħda żamm, dik li jfiq ħalli
jqaddes! F’wieħed mill-irtiri tiegħu kiteb hekk: “Aħna riżoluti, o Ġesù, li nirrinunzjaw kollox għal
imħabbtek u , mgħannqin mas-salib tiegħek irridu ngħixu u mmutu bħalek, privi
mill-ħwejjeġ żejda tad-dinja u ma nixtequx ħlief dawk tas-Sema. Din hija
l-unika xewqa tagħna, li nisperaw li tistħoqqilna dik il-ġurnata li niġu
ngawduk għall-eternità ġewwa l-ġenna kif inti wegħditna. Hekk Ikun.” Il-marda
tiegħu kellha tkun għalih il-martirju li hu ġarr b’qalb sħiħa.
Miet fl-1
novembru 1943 għall-ħabta tat-tlieta ta filgħodu. Il-konfessur tiegħu P.
Ġerardu Paris Dumnikan xehed li qatt ma dineb gravement. Bosta xtaqu jaraw
il-ġisem mejjet ta’ P. Avertan fiċ-ċella tiegħu fejn in-nies setgħu jagħtuh
l-aħħar tislima. Ġie midfun fil-kripta taħt il-knisja. Ma mewtu xterdet il-fama
tal-qdusija. Fil-gażżetti xterdet l-aħbar li miet reliġjuż qaddis. Il-qabar
tiegħu sar ċentru ta’ pellegrinaġġi u fil-25 sena mill-mewt tiegħu l-Arċisqof
Mikiel Gonzi mexxa l-eżumazzjoni tal-fdalijiet tiegħu li tqegħdu f’qabar ġdid
fil-kannierja. Fl-2014 f’għeluq is-70 sena minn mewtu l-fdalijiet indifnu
fil-kappella tal-Madonna tar-Rocca fil-Karmnu tal-Mdina. Bosta huma dawk li
jiġu jżuru qabru u ċ-ċella tiegħu , jitolbu u jirreferu grazzji maqlugħa
bl-interċessjoni tiegħu. Illum P.
Avertan huwa mudell għar-reliġjużi kollha fl-għażla ta’ Alla fl-ewwel post ta’
ħajjitna. Lil ħutu Karmelitani ifakkarhom dejjem fil-primat tal-kontemplazzjoni
u quddiem l-insara jiddi bħala xempju tas-safa tal-qalb. Bħala saċerdot ifakkar
u jqanqal bl-eżempju ta’ ħajtu lis-saċerdoti biex jingħataw għall-qrar u
d-direzzjoni spiritwali. Fl-aħħarnett f’dinja u kultura li tiddiskuti dwar
jaqbilx li bi “ħniena” nagħtu l-mewt lil min jinsab f’mard terminali P. Avertan
jiddi bħala mudell u xempju tad-dinjità u l-valur tal-bniedem ukoll f’dawn
il-kundizzjonijiet .
Mitlubin mill-Postulaturiċi tal-Kawża tal-Beatifikazzjoni u Kanonizzazzjoni
ta’ l-istess P. Avertan Fenech, Karmelitan, biex tinfetaħ din il-kawża, skont
in-Normi tal-Kongregazzjoni tal-Qaddisin, qed nippubblikaw dan l-Editt biex
nitolbu lil kull min għandu xi kitba ta' P. Avertan Fenech, Karmelitan
jgħaddiha fil-Kanċellerija tat-Tribunal Metropolitan fil-Kurja Arċiveskovili,
Valletta. B'kitba nifhmu mhux biss dik stampata iżda wkoll manuskritti,
id-djarji, ittri u kull kitba oħra privata ta' dan il-Qaddej ta' Alla. Dawk li
jixtiequ li jżommu l-oriġinal jistgħu jippreżentaw kopja li, wara li tkun
verifikata ma' l-oriġinal, tiġi awtentikata mill-Kanċellier ta' l-istess
Tribunal.
Nordnaw li dan l-Editt jitwaħħal fil-bieb tal-Kurja għal xahrejn u jitwaħħal
fin-notice boards tal-parroċċi għall-istess
zmien.
Mogħti
mill-Kurja Tagħna
fil-Furjana, illum 9 ta’ Jannar, 2017, festa tal-Magħmudija tal-Mulej.
X Charles J.
Scicluna
Arċisqof
ta’ Malta
Lawrence Gatt
Kanċillier
Ċirkulari
Numru 25
Lir-Reverendi Arċiprieti, Kappillani,
Retturi ta’ knejjes u Superjuri Reliġjużi
FTUĦ TAL-KAWŻA GĦALL-BEATIFIKAZZJONI U
GĦALL-KANONIZZAZZJONI TAL-QADDEJ TA’ ALLA, P. AVERTAN FENECH, KARMELITAN
(1871-1943)
Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna
għoġbu jilqa’ t-talba tad-Dr Giovanna Brizi, Postulatriċi Ġenerali tal-Ordni
tal-Aħwa tal-Imqaddsa Verġni Marija tal-Għolja tal-Karmelu, biex jiftaħ
il-Kawża għall-Beatifikazzjoni u għall-Kanonizzazzjoni tal-Qaddej ta’ Alla Patri
Avertan Fenech, Karmelitan. Dan se jsir nhar il-Ħamis 2 ta’ Frar 2017, Jum
il-Ħajja Konsagrata, fil-Knisja tal-Karmnu fl-Imdina waqt ċelebrazzjoni
mmexxija minn Monsinjur Arċisqof fil-5.00p.m. u l-Quddiesa tal-Preżentazzjoni
tal-Mulej fit-Tempju fis-6.00 p.m. fil-Knisja Katidrali, L-Imdina, bis-sehem
tal-membri tal-Ħajja Konsagrata.
Is-saċerdoti, il-persuni ta’ Ħajja
Konsagrata u l-lajċi kollha huma mistiedna biex jieħdu sehem f’din
iċ-ċelebrazzjoni, biex flimkien, bħala l-Poplu ta’ Alla f’Malta, nitolbu
lill-Ispirtu s-Santu biex jagħti d-dawl lil dawk kollha involuti biex, jekk
inhi r-rieda tiegħu, ’il quddiem naraw lil dan il-Qaddej ta’ Alla beatu u
qaddis.
Man-notice board tal-knisja hemm
imwaħħal l-editt li ħareġ Mons. Arċisqof marbut ma’ din il-ġrajja, biex
jingħata tagħrif fil-qosor dwar il-ħajja tal-Qaddej ta’ Alla, Patri Avertan Fenech, Karmelitan. Kull
min għandu xi tagħrif jew materjal għandu jgħaddih lill-Kanċellerija
tat-Tribunal tal-Arċidjoċesi ta’ Malta fil-Belt, Valletta.
Maħruġa mill-Kurja Arċiveskovili ta’
Malta, Floriana, illum 9 ta’ Jannar 2017.
Lawrence
Gatt Joseph Galea Curmi
Kanċillier
Vigarju
Ġenerali