L-Ewwel Messaġġ tal-Arċipriet Dun David Gauci
Għeziez,
Dan huwa l-ewwel messaġġ tiegħi lilkom il-familji li toqogħdu
f'din il-parroċċa għaziza tagħna tan-Naxxar, iddedikata lit-twelid tal-Verġni
Mqaddsa Marija - il-Bambina.
Qed jaslilkom kważi fil-bidu ta’ xahar ġdid ta' sena ġdida minn Arċipriet ġdid.
Irrid minn hawn f'isimkom irrodd ħajr lill-predeċessuri tiegħi li ħadmu f'din
il-parroċċa matul is-snin. Irrid minn hawn insellem personalment lil kull wieħed
u waħda minnkom.
'Il quddiem ikollna ċans niltaqgħu f'diversi okkażjonijiet.
Ix-xewqa tiegħi hi li ngħinkom ilkoll, u jien magħkom, ninbnew
f'komunità ta’ fidi, tama u mħabba. U ħsiebi jmur lejn kull membru ta’ din
il-komunità parrokkjali; miż-żgħar tagħna sal-anzjani tagħna; tislima speċjali
tmur lejn dawk li jħossuhom imwarrbin, dawk li huma weħidhom, il-morda tagħna.
Irrid inkun qrib ta’ dawk li huma fil-periferija; fil-periferija nifhem
ngħid mhux biss dawk li joqogħdu fiż-żoni tas-Sgħajtar u ta’ San Pawl tat-Tarġa
u Birguma; dawk ukoll; imma fil-periferija qed nifhem (anke kif inhi x-xewqa
tal-Papa Franġisku) li nkun qrib ta' dawk li jħossuhom 'il bogħod mill-Knisja.
Għax kif tafu intom stess, tista' tkun tgħix taħt il-kampnar tal-knisja u
xorta waħda tħossok 'il bogħod minnha.
Insellem lill-familji kollha li joqogħdu fil-qalba tar-raħal tagħna
tan-Naxxar.
Ix-xewqa tiegħi hi li nkun tassew ragħaj tal-merħla kbira afdata
f'idejja u li bil-kelma u bl-eżempju jkolli tassew fuqi r-riħa tan-nagħaġ.
Minn qalbi nawgura sena mimlija barka fil-Mulej u Marija Bambina tkun
magħna.
Fr David Gauci
All updates Posted by Charles V. Farrugia
Photos by courtesy of Charles V. Farrugia