Saturday, August 24, 2013

FEATURE OF THIS WEEK - ARCHPRIEST's MESSAGE

LILL-INSARA-KATTOLIĊI FIN-NAXXAR 
(Is-Sibt 24 ta’ Awwissu 2013 )
Traġedji, Kumdita’, Għeluq
Għeżież,

1. IL-FATT LI AĦNA POPLU ŻGĦIR U NGĦIXU FUQ GŻIRA ŻGĦIRA, aħna meħlusa minn traġedji ta’ proporzjonijiet kbar bħal ma nisimgħu jiġru kważi kuljum f’diversi pajjiżi. Biex insemmi xi wħud: il-vjolenza li qed taħkem l-Eġittu u s-Sirja; l-inċidenti gravi tat-tren f’Santiago de Compostella u tal-coach fin-naħa t’isfel tal-Italja; l-għarqa ta’ vaporetto bil-passiġġieri fil-Filippini u l-isplużjoni ta’ submarine Indjan; it-terremoti fiċ-Ċina u nħawi oħra; it-trombi tal-arja fl-Amerika ta’ Fuq u l-maltemp qawwi f’diversi nħawi tad-dinja... Il-lista hi twila u ma tispiċċa qatt. Ilkoll kemm aħna “nirringrazzjaw ‘l Alla” għax traġedji bħal dawn lilna rari jmissuna. Tajjeb iżda li ninteressaw ruħna f’dak li jkun qed jiġri fid-dinja għax dawk li qed jiġu effettwati huma bnedmin bħalna. U t-tbatija ta’ kull bniedem għandha dejjem tinteressana.

2. MIN-NAĦA L-OĦRA, FUQ IX-XTUT TAL-MEDITERRAN QED ISSEĦĦ TRAĠEDJA OĦRA – dik tal-immigranti. Kull meta nara l-filmati ta’ dgħajjes b’immigranti, uħud minnhom nofshom mejta, deħlin f’pajjiżna, aktar milli naħseb fil-problema li dawn se jikkawzawlna, nipprova naħseb fuq il-problema li jkunu għadhom kemm għaddew minnha huma. Aħna, minn djarna, ma nistgħux nimmaġinaw eżatt dawn in-nies minn xhiex ikunu għaddew biex waslu fostna. Il-vjaġġi twal biex ħallew pajjiżhom, daħlu l-Libja, qasmu l-Mediterran huma u jaraw uħud minn sħabhom imutu mgħarrqin quddiem għajnejhom, is-sħana u n-nixfa li jġarrbu bejn sema u ilma... dan kollu għandu jġgħalna nirriflettu fuq din it-traġedja umana. Biex wieħed jagħmel vjaġġ bħal dan bilfors li jkun iddisprat bis-
sitwazzjoni li jkun għaddej minnha. Ma ninsewx x’qal darba Martin Luther King: Freedom is never given by the oppressor: it must be demanded by the oppressed. U biex jikseb il-liberta’ l-bniedem lest li
jagħmel kollox.

3. BILLI AĦNA NĦOSSUNA RELATTIVAMENT KOMDI U SAJMIN minn traġedji bħal dawn, jista’ jkun li ma napprezzawx biżżejjed dak li għandna. Kultant erħielna ngergru u nargumentaw fuq ħwejjeġ minimi. Jista’ jkun li l-attenzjoni tagħna nitfugħa fuq ħwejjeġ li nistgħu ngħaddu mingħajrhom u ninsew li parti sew mill-popolazzjoni dinjija għadhom jitħabtu mhux biex bħalna jtejbu l-istandard of living iżda biex jippruvaw joħolqu wieħed! Ħafna minn ħutna madwar id-dinja għadhom jgħixu ħajja ta’ struggling for survival. Forsi jkun hemm minn jgħid: “Imma allura, jien x’nista’ nagħmel, mhux aħjar naħseb fil-bżonnijiet tiegħi u nara kif se ntejjibhom”?

4. DAN KOLLU VERU imma kieku aħna nifhmu t-tip ta’ ħajja li dawn in-nies qed jgħixu kieku ma nibqgħux ninħlew fuq ħwejjeġ trivjali. Aktar ikun jaqbel kieku nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq dak li hu l-aktar essenzjali: kif intejbu l-ġustizzja fostna; kif nimpenjaw ruħna ħa nġibu ‘l quddiem is-soċjeta’ li qed ngħixu fiha; kif insaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna; kif ngħinu u naqbżu għal min hu batut fostna ... Dawn għandhom ikunu l-preokkupazzjonijiet tagħna issa li tejjibna l-livell ta’ għixien bħala poplu. Tajjeb li nsaqsu lil dawk iż-żgħażagħ u anke adulti li f’dan is-sajf għamlu xi esperjenza barra minn Malta f’xogħol volontarju ħalli jgħidulna x’raw ma’ wiċċhom. Jgħidulna wkoll iżda, x’bidla seħħet fil-mentalita’ tagħhom. Se nsibuhom nies li li japprezzaw aktar il-ħajja u t-talenti tagħhom; se nsibuhom jimpenjaw ruħhom aktar fis-soċjeta’ u fil-komunitajiet tagħna; se nsibuhom aktar moħħom fl-oħrajn, l-aktar dawk li jeħtieġu l-għajnuna tagħhom milli fihom infushom. Li ngħixu fi gżira żgħira mingħajr skossi kbar fiha l-vantaġġi tagħha imma jista’ jkun li ċ-ċokon tagħna jagħlaqna fina nfusna u fl-interessi tagħna. Noqgħodu attenti minn dan!

5. DAN KOLLU NISTGĦU NAPPLIKAWH GĦALL-FIDI TAGĦNA li ftit li xejn giet sfidata matul is-snin. Il-fatt li aħna konna komunita’ omoġeneja – fejn kulħadd jistqarr l-istess fidi, ftit li xejn ippruvajna nsibu raġuni għad-dubji tagħna. Ma kellniex ma’ min niddiskutu l-punti tal-fidi tagħna – bqajna tagħna f’tagħna. Meta mbagħad, dan l-aħħar snin bdejna naraw nies minn fostna jsiru ateji, sekularisti jew jaqilbu r-reliġjon bdejna nieħdu skoss wara l-ieħor. Meta bdejna nisimgħu mill-media nies jargumentaw b’mod negattiv dwar siltiet mill-Bibbja jew dwar ċertu tagħlim tal-Knisja, bdejna nħossuna “għarwenin” mhux għax ma kellniex tagħlim iżda għax ftit li xejn ħabbilna rasna niskopruh. Il-konsegwenza ta’ dan hi li jew uħud jarmu kollox u jitilfu l-fidi jew bħal ma nara jigri diversi drabi, uħud isiru kważi fundamentalisti – jevitaw kull diskussjoni jew djalogu biex dak “li tgħallmu fi ċkunithom ma jitilfuħx”! Iż-żewġ pożizzjonijiet huma estremi u ma jagħmlux ġid!

6. GĦADU KIF ĦAREĠ IL-PROGRAMM TAL-FESTA 2013. Naħseb li harġet biċċa xogħol tajba
li għandha tgħoġobkom. Diversi nies ħadmu fih biex ikollna prodott kemm jista’ jkun tajjeb.Dawn il-Programmi huma mezz kif inkattru t-tagħrif tagħna dwar ir-raħal u l-parroċċa u fl-istess ħin inkunu nafu x’seħħ fostna minn sena għall-oħra. Nittama wkoll li tajtu daqqa t’għajn lejn il-programm tal-festa interna biex taraw kemm tistgħu issegwu minnu. Niltaqgħu għalhekk għall-ewwel attivita’, l-Erbgħa li ġejjin għall-Ħruġ tal-istatwa min-Niċċa fuq iz-zuntier. Hija festa ferriħija li tati bidu sabiħ lill-festa tagħna.

Narakom!
Dun Evan – Arċipriet bambinanaxxar@gmail.com

N.B. Għal kull informazzjoni dwar il-parroċċa tan-Naxxar, avviżi, ritratti eċċ aċċessaw il-website www.bambinanaxxar.org. Jidhru wkoll ir-ritratti tal-funeral ta’ Dun Ġużepp Sammut li sar bħal-llum ġimgħa.

Infakkar ukoll fil-paġna tal-FACEBOOK, li qed tkun aġġornata b’diversi ħsibijiet ta’ kuljum.