PASTORALI TAL-ISQFIJIET - ELEZZJONIJIET GENERALI 2013
ITTRA
PASTORALI
MILL-E.T. MONS .
PAWLU CREMONA
O.P.
Arċisqof ta’ Malta
MILL-E.T. MONS .
MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
U
MILL-E.T. MONS .
CHARLES J. SCICLUNA
Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta
ELEZZJONIJIET ĠENERALI 2013
RISPETT LEJN IL-VERITÀ U LEJN XULXIN
Għeżież
ħutna,
L-Elezzjonijiet Ġenerali huma mument ta' importanza kbira
fil-ħajja ta' kull soċjetà demokratika. Kull ċittadin għandu jħossu fid-dmir li
jipparteċipa b'mod ħieles u responsabbli; il-kandidati billi jagħżlu li jkunu
ta' servizz għal kulħadd u l-elettorat billi jesprimi l-vot tiegħu.
Il-Knisja tirrispetta l-awtonomija tal-Istat u timpenja
ruħha li ddawwal il-kuxjenza libera taċ-ċittadini f'isem il-ġid komuni u f’isem
il-ħarsien tad-dinjità ta' kull persuna, hi min hi. Il-Knisja la tippretendi u
lanqas titlob privileġġi. Hi, bħal kull soċjetà oħra, tistenna li tibqa' tgawdi
l-ħelsien li tkompli, u li tippromwovi, il-missjoni pastorali tagħha ta'
tagħlim u ta' karità.
F'dan l-ispirtu ta' rispett u ta' kollaborazzjoni, aħna
l-isqfijiet nixtiequ niġbdu l-attenzjoni għal erba' aspetti ta' importanza
kbira: il-familja, il-ġenerazzjoni żagħżugħa, il-fqar u l-batuti, u l-ambjent.
Il-familja mibnija fuq iż-żwieġ, li hu r-rabta dejjiema
bejn raġel wieħed u mara waħda, għandha tibqa' l-ambjent naturali u soċjali li
minnu jitwieldu u fih jitrabbew l-ulied. L-Istat jagħmel tajjeb jekk
fl-istituzzjonijiet, fil-liġijiet u fl-għażliet politiċi tiegħu jippromwovi lil
dan l-ambjent ta’ familja li l-maġġoranza tal-Maltin għadhom jgħożżu. Meta jħoss il-bżonn li jgħaddi liġijiet dwar
relazzjonijiet differenti bejn iċ-ċittadini tiegħu, għandu jipproteġi u jiżgura
d-dinjità ta' kull individwu mingħajr ma jċekken ir-rwol essenzjali
tal-familja, tal-missier u l-omm flimkien mat-tfal.
Il-ġenerazzjoni żagħżugħa għandha tkompli tgawdi
mill-għajnuniet kollha neċessarji fl-edukazzjoni u fil-prospetti tax-xogħol.
Għandu jsir kull sforz biex tkompli tissaħħaħ il-ġlieda kontra s-suq qerriedi
tad-droga li tant drabi jipprova jaqbad liż-żgħażagħ tagħna fin-nassa kiefra
tiegħu. Fuq nota pożittiva, ta' min ifaħħar u jinkoraġġixxi l-inizjattivi li
joffru liż-żgħażagħ l-opportunità li jagħmlu esperjenza ta' xogħol voluntarju
f’pajjiżna u barra minn
pajjiżna.
Il-fqar u l-batuti jibqgħu dejjem magħna. Aħna l-isqfijiet
nuru l-apprezzament tagħna għal dak kollu li jsir minn kulħadd biex fis-soċjetà Maltija jonqos
il-faqar u tittaffa t-tbatija. Kull bniedem għad irid jiġi ġġudikat minn Alla fuq kif ħa
ħsieb il-batut u l-fqir. Aħna u nfittxu l-progress ekonomiku għandna naħdmu
biex il-ġid jitqassam b'mod ġust waqt li l-kondizzjonijiet tax-xogħol
għall-ħaddiema jitjiebu dejjem aktar.
L-ambjent huwa patrimonju imprezzabbli li għandna d-dmir
inħarsuh u nindukrawh. In-Nisrani jagħraf l-id ta' Alla fil-ħolqien u jagħmel
li jista' biex l-ambjent naturali ma ssirlux ħsara irreparabbli. Kull żvilupp
għalhekk irid ikun żvilupp sostenibbli u għandu jsegwi l-liġijiet tal-pajjiż.
Fl-aħħar nappellaw mill-qalb biex il-kampanja elettorali
ngħixuha bi spirtu ta' rispett lejn il-verità u lejn xulxin, biex il-verdett
tal-poplu jigi onorat bl-onestà u fis-sigurtà li jistħoqqlu.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.
Illum, 25 ta’ Jannar 2013, Festa tal-Konverżjoni
tal-Appostlu Missierna San Pawl.
PAWLU CREMONA O.P.
Arċisqof
ta’ Malta
MARIO GRECH
Isqof ta’ Għawdex
CHARLES
J. SCICLUNA
Isqof
Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta