MESSAGG TAL-PAPA GHAR-RANDAN
MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
BENEDITTU XVI
GĦAR-RANDAN 2013
Jekk nemmnu fl-imħabba, ngħixu l-imħabba
“Aħna għarafna
l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha” (1 Ġw 4:16)
Għeżież ħuti,
Iċ-ċelebrazzjoni tar-Randan,
fil-kuntest tas-Sena tal-Fidi, toffrilna okkażjoni prezzjuża biex nimmeditaw
fuq ir-rabta bejn fidi u mħabba: bejn li nemmnu f’Alla, f’Alla ta’ Ġesù Kristu,
u l-imħabba, li hi l-frott ta’ l-għemil ta’ l-Ispirtu s-Santu u teħodna f’mixja
ta’ għotja lil Alla u lil xulxin.
1. Il-fidi bħala tweġiba għall-imħabba ta’ Alla
Diġà fl-ewwel Enċiklika tiegħi qsamt
xi riflessjonijiet biex nuri r-rabta qawwija li hemm bejn dawn iż-żewġ
virtujiet teologali, il-fidi u l-imħabba.
Tlaqt mill-istqarrija fundamentali ta’ l-Appostlu Ġwanni: “Aħna għarafna
l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha” (1 Ġw 4:16), biex fakkart li “bħala bidu għall-eżistenza Nisranija m’hemmx xi deċiżjoni etika jew xi idea għolja, iżda hemm il-laqgħa ma’ ġrajja, ma’ Persuna, li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva… Billi
Alla kien li ħabbna l-ewwel (ara 1 Ġw 4:10), issa l-imħabba m’hix aktar ‘kmandament’ biss, iżda hija t-tweġiba għar-rigal ta’ l-imħabba, li bih Alla joqrob lejna” (Deus caritas est, 1).
Il-fidi hi dik l-adeżjoni personali – li tinkludi l-fakultajiet kollha
tagħna – għar-rivelazzjoni ta’ l-imħabba gratwita u “passjonali” li Alla għandu
għalina, li tidher b’mod sħiħ f’Ġesù Kristu.
Il-laqgħa ma’ Alla Mħabba ssejjaħ lejh mhux biss lill-qalb, imma
l-intellett ukoll: “L-għarfien ta’ Alla ħaj huwa triq waħda lejn l-imħabba, u l-iva tar-rieda tagħna lir-rieda tiegħu tgħaqqad id-dehen, ir-rieda u l-għożża f’att ta’ mħabba li jiġbor kollox fih. Iżda dan il-proċess jibqa’ sejjer bla waqfien: l-imħabba qatt ma tintemm u tkun perfetta” (ibid., 17). Minn hawn ġejja għall-Insara kollha, u b’mod
partikulari għall-“operaturi tal-karità”, il-ħtieġa tal-fidi, ta’ dik il-“laqgħa ma’ Alla fi Kristu li tqajjem fihom
l-imħabba u tiftaħ il-qalb tagħhom lejn l-oħrajn, biex hekk l-imħabba ma tkunx għalihom kmandament impost, biex ngħidu hekk, minn barra, iżda konsegwenza ħierġa mill-fidi li taħdem bl-imħabba” (ibid., 31a). In-Nisrani hu
persuna mirbuħa mill-imħabba ta’ Kristu u għalhekk, imqanqal minn din l-imħabba
– “caritas Christi urget nos” (2 Kor
5:14) –, hu miftuħ b’mod profond u konkret għall-imħabba lejn il-proxxmu (ara
ibid., 33). Din l-imġiba titnissel qabel
xejn mill-għarfien li aħna maħbuba, maħfura, u saħansitra moqdija mill-Mulej,
li jitbaxxa biex jaħsel riġeljn l-Appostli u joffri lilu nnifsu fuq is-salib ħalli
jiġbed lill-bnedmin lejn l-imħabba ta’ Alla.
“Il-fidi turina ’l Alla li ta ’l Ibnu għalina u jsaħħaħ fina ċ-ċertezza rebbieħa li dan huwa kollu kemm hu minnu: Alla huwa
mħabba!… Il-fidi li tagħraf l-imħabba ta’ Alla rrivelata sa fil-qalb ta’ Ġesù minfuda fuq is-salib, tqanqal l-imħabba. L-imħabba hija dawl – u d-dawl waħdieni – li jdawwal mill-ġdid dinja mdallma u jagħti l-kuraġġ biex wieħed jgħix u jkompli jaħdem” (ibid., 39). Dan kollu jgħinna
nifhmu kif l-imġiba prinċipali li tiddistingwi lill-Insara hi sewwa sew
“l-imħabba mibnija fuq il-fidi u mfassla fuqha” (ibid., 7).
2. L-imħabba bħala ħajja fil-fidi
Il-ħajja Nisranija kollha hi tweġiba
għall-imħabba ta’ Alla. L-ewwel tweġiba
hi appuntu l-fidi, fejn aħna nilqgħu b’mod sħiħ, mimlija għoġba u gratitudni, din
l-inizjattiva divina li qatt qabel ma deher bħalha, li timxi qabilna u ssejħilna. U l-“iva” tal-fidi timmarka l-bidu ta’ storja
kollha dawl ta’ ħbiberija mal-Mulej, li timliena u tagħti sens sħiħ
lill-eżistenza kollha tagħna. Imma Alla
ma jikkuntentax ruħu b’li aħna nilqgħu l-imħabba gratwita tiegħu. Hu ma jillimitax ruħu għall-fatt li jħobbna,
imma jrid jiġbidna lejh, jibdilna b’mod hekk profond li jwassalna biex ma’ San
Pawl ngħidu: Ngħix, imma mhux
iżjed jien, imma jgħix fija Kristu (ara Gal 2:20).
Meta aħna nagħtu spazju lill-imħabba
ta’ Alla, insiru bħalu, nieħdu sehem mill-istess imħabbtu. Li ninfetħu għal imħabbtu jfisser li nħalluh
jgħix fina u dan iwasallna biex inħobbu miegħu, fih u bħalu; hemm biss il-fidi
tagħna tibda tassew “taħdem
permezz ta’ l-imħabba” (Gal 5:6) u hu jagħmel l-għamara tiegħu fina (ara 1 Ġw
4:12).
Il-fidi hi li nagħrfu l-verità u
noqogħdu għaliha (ara 1 Tim 2:4); l-imħabba hi “li nimxu” fil-verità (ara Efes
4:15). Bil-fidi nidħlu fil-ħbiberija
mal-Mulej; bl-imħabba nkunu ngħixu u nrawmu din il-ħbiberija (ara Ġw 15:14s). Il-fidi tgħinna nilqgħu l-kmandament
tal-Mulej u Mgħallem tagħna; l-imħabba tagħtina l-ferħ li nistgħu nqiegħduh
fil-prattika (ara Ġw 13:13-17). Fil-fidi
aħna niġu mnissla bħala wlied Alla (ara Ġw 1:12s); l-imħabba tgħinna
nipperseveraw konkretement f’dan l-istat ta’ wlied Alla, biex nagħmlu l-frott
ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Gal 5:22).
Il-fidi turina d-doni li Alla, fit-tjieba u l-ħniena tiegħu, jafdalna;
l-imħabba tkattarhom iżjed (ara Mt 25:14-30).
3. Ir-rabta indissolubbli bejn fidi u mħabba
Fid-dawl ta’ dak li għidna s’issa,
joħroġ ċar li ma nistgħu qatt nifirdu jew, saħansitra, inqiegħdu kontra xulxin
il-fidi u l-imħabba. Dawn iż-żewġ
virtujiet teologali huma intimament magħquda, u kull kuntrast jew “djalettika”
bejniethom huma qarrieqa. Minn naħa,
fil-fatt, hi restrittiva wisq l-imġiba ta’ min iqiegħed b’mod daqshekk qawwi
l-aċċent fuq il-prijorità u n-natura deċiżiva tal-fidi, b’mod li jbaxxi u kważi
jiddisprezza l-għemejjel konkreti ta’ l-imħabba u jirriduċiha għal
umanitarjaniżmu ġeneriku. Min-naħa
l-oħra, imma, daqshekk ieħor ikun qed jirrestrinġi min isostni supremazija
esaġerata ta’ l-imħabba u ta’ l-opri tagħha, u jaħseb li l-għemejjel jistgħu
jieħdu post il-fidi. Biex ikun hemm
ħajja spiritwali b’saħħitha, hu meħtieġ li nevitaw kemm il-fideiżmu u kemm
l-attiviżmu moralista.
L-eżistenza Nisranija tikkonsisti f’li
kontinwament nitilgħu fuq il-muntanja fejn niltaqgħu ma’ Alla, biex imbagħad
ninżlu mill-ġdid u nwasslu l-imħabba u l-qawwa li ġejjin minnu, b’mod li naqdu
lil ħutna bl-istess imħabba ta’ Alla.
Fl-Iskrittura Mqaddsa naraw kif iż-żelu ta’ l-Appostli għax-xandir
tal-Vanġelu mqanqal mill-fidi hu strettament marbut ma’ l-attenzjoni
karitatevoli lejn is-servizz tal-foqra (ara Atti 6:1-4). Fil-Knisja, kontemplazzjoni u azzjoni,
issimbolizzati sa ċertu punt mill-figuri evanġeliċi ta’ l-aħwa Marija u Marta,
għandhom jeżistu flimkien u jintegraw ruħhom f’xulxin (ara Lq 10:38-42). Il-prijorità tingħata dejjem lir-relazzjoni
ma’ Alla u l-vera kondiviżjoni evanġelika għandu jkollha għeruqha fil-fidi (ara
Katekeżi fl-Udjenza ġenerali tal-25
ta’ April 2012). Xi drabi, fil-fatt,
teżisti t-tendenza li t-terminu “karità” nillimitawh għas-solidarjetà jew
sempliċement għall-għajnuna umanitarja.
Imma hu importanti niftakru li l-akbar opra ta’ karità hi sewwa sew
l-evanġelizzazzjoni, jew aħjar is-“servizz tal-Kelma”. M’hemmx azzjoni ta’ ġid ikbar, u għalhekk
karitatevoli, li nistgħu nagħmlu mal-proxxmu tagħna minn dik li naqsmu miegħu
l-ħobż tal-Kelma ta’ Alla, nagħtuh sehem fil-Bxara t-Tajba tal-Vanġelu,
nintroduċuh għal relazzjoni ma’ Alla: l-evanġelizzazzjoni hi l-promozzjoni
l-aktar għolja u sħiħa tal-persuna umana.
Kif jikteb il-Qaddej ta’ Alla l-Papa Pawlu VI fl-Enċiklika Populorum progressio, hi t-tħabbira ta’
Kristu l-ewwel fattur ewlieni ta’ l-iżvilupp (ara nru 16). Hija l-verità oriġinarja ta’ l-imħabba ta’
Alla għalina, megħjuxa u mħabbra, li lill-eżistenza tagħna tiftaħha biex tista’
tilqa’ din l-imħabba u tagħmel possibbli l-iżvilupp sħiħ ta’ l-umanità u ta’
kull bniedem (ara Enċ. Caritas in
veritate, 8).
Fis-sustanza, kollox jitlaq
mill-Imħabba u jwassal għall-Imħabba.
L-imħabba li Alla tana b’xejn sirna nafuha permezz tat-tħabbira
tal-Vanġelu. Jekk nilqgħuh bil-fidi,
nirċievu dak l-ewwel kuntatt indispensabbli mad-divin li kapaċi jġagħilna
“ninnamraw ma’ l-Imħabba”, biex imbagħad nistgħu ngħixu u nikbru f’din
l-Imħabba u nwassluha bil-ferħ lill-oħrajn.
Rigward ir-rabta bejn fidi u għemejjel
ta’ karità, forsi din l-espressjoni mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Efesin tiġbor
bl-aħjar mod il-korrelazzjoni bejniethom: “Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom,
imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù
biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu”
(2:8-10). Hawn wieħed jifhem li
l-inizjattiva salvifika kollha kemm hi ġejja minn Alla, mill-Grazzja tiegħu,
mill-maħfra tiegħu milqugħa bil-fidi; imma din l-inizjattiva, mhux talli ma
tillimitax il-libertà u r-responsabbiltà tagħna, imma talli tagħmilhom
awtentiċi u torjentahom lejn l-għemejjel tal-karità. Dawn m’humiex prinċipalment frott ta’
l-isforz uman, li bih nistgħu b’xi mod nitkabbru, imma ġejjin mill-fidi nfisha,
inixxu mill-Grazzja li Alla joffri b’abbundanza. Fidi mingħajr għemil hi bħal siġra bla frott:
dawn iż-żewġ virtujiet jitolbu lil xulxin b’mod reċiproku. Ir-Randan, bil-prattiki tradizzjonali tal-ħajja
Nisranija, jistedinna propju biex inrawmu l-fidi permezz tas-smigħ aktar attent
u fit-tul tal-Kelma ta’ Alla u s-sehem tagħna fis-Sagramenti, u, fl-istess ħin,
biex nikbru fil-karità, fl-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, anki permezz
ta’ l-għajnuniet konkreti tas-sawm, tal-penitenza u tal-karità.
4. Prijorità tal-fidi, primat ta’ l-imħabba
Bħal kull don ta’ Alla, fidi u mħabba
jwassluna t-tnejn għall-azzjoni ta’ l-uniku u l-istess Spirtu s-Santu (ara 1
Kor 13), dak l-Ispirtu li jgħajjat fina “Abbà!
Missier!” (Gal 4:6), u li jġagħilna ngħidu: “Ġesù hu l-Mulej!” (1 Kor
12:3) u “Maranatha!” (1 Kor 16:22;
Apok 22:20).
Il-fidi, don u tweġiba, turina
l-verità ta’ Kristu bħala Mħabba inkarnata u misluba, li twaħħdet b’mod sħiħ u
perfett mar-rieda tal-Missier u l-ħniena divina bla tmiem lejn il-proxxmu;
il-fidi tiżra’ fil-qalb u fil-moħħ il-konvinzjoni qawwija li din l-Imħabba hi
l-unika realtà li tista’ tirbaħ fuq il-ħażen u fuq il-mewt. Il-fidi tistedinna nħarsu lejn il-futur
bil-virtù tat-tama, fl-istennija fiduċjuża li r-rebħa ta’ l-imħabba ta’ Kristu
tasal għall-milja tagħha. Min-naħa
tagħha, il-karità ddaħħalna fl-imħabba ta’ Alla li wera ruħu fi Kristu,
twassalna biex b’mod personali u eżistenzjali nitwaħħdu ma’ l-għotja totali u
bla limiti ta’ Ġesù lill-Missier u lill-aħwa.
L-Ispirtu s-Santu jonfoħ fina l-imħabba, u hekk jagħtina sehem
mill-għotja ta’ Ġesù nnifsu: filjali lejn il-Missier u fraterna lejn kull
bniedem (ara Rum 5:5).
Ir-rabta li teżisti bejn dawn iż-żewġ
virtujiet tixbah lil dik bejn iż-żewġ Sagramenti fundamentali tal-Knisja:
il-Magħmudija u l-Ewkaristija.
Il-Magħmudija (sacramentum fidei)
tiġi qabel l-Ewkaristija (sacramentum
caritatis), imma hi orjentata lejha, li tikkostitwixxi l-milja tal-mixja
Nisranija. B’mod analogu, il-fidi tiġi
qabel l-imħabba, imma tkun ġenwina biss jekk tiġi inkurunata minnha. Kollox jitlaq milli nilqgħu il-fidi b’umiltà
(“li nagħrfu li aħna maħbubin minn Alla”), imma kollox irid jasal għall-verità
ta’ l-imħabba (“li nagħrfu nħobbu lil Alla u lill-proxxmu”), li tibqa’ għal
dejjem, bħala twettiq tal-virtujiet kollha (ara 1 Kor 13:13).
Għeżież ħuti, f’dan iż-żmien
tar-Randan, meta qed nitħejjew biex niċċelebraw il-ġrajja tas-Salib u
tal-Qawmien, meta l-Imħabba ta’ Alla fdiet id-dinja u dawlet l-istorja, nawgura
lilkom ilkoll li tgħixu dan iż-żmien prezzjuż billi terġgħu titħeġġu fil-fidi
f’Ġesù Kristu, biex nistgħu nidħlu fl-istess ċirku tiegħu ta’ mħabba lejn
il-Missier u lejn kull wieħed u waħda mill-aħwa li magħhom niltaqgħu fil-ħajja
tagħna. Għal dan ngħolli t-talba tiegħi
quddiem Alla, waqt li fuq kull wieħed u waħda minnkom u fuq kull komunità nitlob
il-Barka tal-Mulej!
Mill-Vatikan, 15 ta’ Ottubru 2012
BENEDICTUS
PP. XVI