ITTRA LIN-NAXXARIN MINN DUN GEORGE SCHEMBRI
Għeżiż
Naxxarin,
Nixtieq nirringrazzjakom
tas-sehem tagħkom bħala parroċċa fil-formazzjoni tiegħi f’din fl-aħħar sena
qabel ma sirt saċerdot. Iż-żmien tad-Djakonat kien mument sabiħ li fih għextu
bi mħabba lejn il-Knisja, fil-istudju li qiegħed nagħmel, b’osservazzjoni lejn
il-ħajja tal-parroċċa. Wara l-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħi, għamilt perjodu
ta’ vaganzi filwaqt li komplejt nistudja biex jekk Alla, s-sena li ġejja, ntemm
l-istudji tiegħi. f’dawn ix-xaharejn wara l-ordinazzjoni, iċċelebrajt
l-Ewkaristija f’diversi parroċċi u knejjes. Kien mument sabiħ li titlob ma’
diversi kommunitajiet – mument fejn tħoss il-bżonn tal-preżenza tas-saċerdot. Hu
veru il-kliem ta’ Missirijiet l-Knisja li “l-Knisja tkun Knisja biss meta hemm saċerdot,” għax s-saċerdot
biss jista jġib preżenti lil Kristu ħaj.
Nixtieq ukoll nirringrazzjakom
f’dan il-mument meta Mons. Arċisqof talbni nibda naqdi f’parroċċa oħra,
il-Parroċċa ta’ Santa Marija Assunta, l-Imqabba. Nirringrazzjakom tal-ħbieberija
sabiħa li offrejtuli. Żgur li se nibqa’ ngħożż l-mumenti li qattajt magħkom –
mumenti fil-Liturġija u l-Kummissjonijiet. Żgur li nħares lejn l-eżempji sbieħ
li tawni s-saċerdoti u wettaqhom f’ħajti.
Grazzi ħafna talli tħobbu
lill-qassis. Qabel ma sirt saċerdot bosta kienu jsaqsuni, “imma x’jagħmel seċjali s-saċerdot li ma jagħmilx ħaddieħor?” Illum
nifhem li s-saċerdot mhux x’jagħmel, imma x’inhu. Qabel ma jwettaq xi ħaġa,
qabel kull azzjoni li jagħmel, qabel kollox, huwa l-bniedem t’Alla. Fih Alla
jkun preżenti biex iħobb l-poplu tiegħu. Illum, bħala saċerdot, nagħraf li bija
nnifsi Alla jixtieq iwassal imħabbtu. Is-saċerdot ma jistax ikun l-bniedem
tan-nies qabel ma jkun il-bniedem t’Alla. Kull diskors li s-saċerdot jgħid fuq
ir-realtà tal-bniedem jrid joħroġ mill-intimità li hu jkollu ma’ Alla. Kull
relazzjoni li jkollu l-qassis trid tinbena fuq Alla. Il-qassis ma jista jagħmel
xejn mingħajr Alla. Is-sejħa tas-saċerdot, mhix sejħa ta’ social worker jew ta’ manager jew ta soċjologu. L-ispeċjalizazzjoni
tas-saċerdot huwa Alla.
Is-saċerdoti u dawk
is-seminaristi li jiġu fostkom ma jistawx jitkejlu mis-suċċessi li kienu kisbu
qabel, mill-kapaċitajiet li jkollhom, mill-għerf li jġorru magħhom. Il-Qassis
li jiġi fostkom jitkejjel biss mill-imħabba t’Alla li se jiżra’ f’qalbkom. Għax
dan li jagħmel l-qassis speċjali, li miegħu ngħixu l-esperjenza ta’ Alla f’ħajjitna.
Illum inħares ‘il quddiem lejn
il-parroċċa l-ġdida tiegħi, b’ħarsa li ma tinsiex dak li għaddejt minnu
fil-Parroċċa tan-Naxxar. Jien se niftakar fikom bħala nies li kuljum tiftħu qalbkom
għal Alla, nies li fikom hemm ix-xewqa li Alla
jkompli jkun l-gwida tagħkom. Itolbu għas-saċerdoti tagħkom. Ftakru li
permezz tagħhom intom tirċievu s-salvazzjoni ta’ ruħkom. Itolbu għas-seminarista
tal-parroċċa, James Saydon, biex f’din is-sena ta’ riflessjoni fuq
il-vokazzjoni tiegħu jagħraf aktar dak li Alla qiegħed jitlob minnu.
Nitlob il-Barka ta’ Alla
fuqkom.
Dejjem tagħkom
Dun George Schembri