ĠIMGHA MQADDSA - HSIBIJIET TAL-GURNATA

L-ERBGHA TAL-ĠIMGHA MQADDSA

Fl-ewwel jum ta' l-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu: "Fejn tridna nħejjulek l-ikla ta' l-Għid?" [Mt:26:17]

IL-KUNTEST TAS-SILTA

Bejn l-Vanġeli ta’ Mattew, Mark u Luqa (is-Sinottiċi) u l-Vanġelu ta’ Ġwanni insibu nuqqas ta’ qbil fuq id-data ta’ meta saret l-ikla ta’ Għid. Mark, li jimxu fuqu Mattew u Luqa, jagħtina data preċiża: Fl-ewwel jum ta' l-Ażżmi, il-waqt li fih kienu jissagrifikaw il-ħaruf ta’ l-Għid. Minn banda l-oħra, Ġwanni joqgħod attent ħafna li ma jippreżentax l-aħħar ikla ta’ Ġesù fl-Għid. L-istudjużi jgħidulna li kronoloġija tas-Sinottiċi għanda l-limitazzjonijiet tagħha u llum qegħdin joħorġu l-eżżattezzi fid-dati u l-ħinijiet li jagħti Ġwanni. Madanakollu, il-veritajiet essenzjali huma hemm fir-rakkonti kollha. L-evanġelisti jċaqalqu l-ħinijiet bi skop teoloġiku, biex b’hekk jidher aktar fiċ-ċar il-messaġġ ta’ Salvazzjoni li Kristu ġab għal kulħadd.

Is-Sinottiċi jgħidulna li Ġesù għadda mill-proċess tal-passjoni u l-mewt tiegħu fil-festa tal-Għid, li dik is-sena ħabtet il-Ġimgħa. B’dan ippoġġi fiċ-ċar it-teoloġija tas-sinottiċi, li Ġesù sar l-Għid il-ġdid.

Skont Ġwanni, Ġesù ma nqatilx fil-festa tal-Għid, imma fl-istess ħin tal-qtiel tal-ħrief - meta l-familji kienu jmorru fit-tempju u joqtlu l-ħaruf ta’ l-Għid bħala offerta u jieħduh lura biex jiekluh. Din in-notifika fir-raba evanġelju toħroġ biċ-car meta l-evanġelista jikteb li l-Lhud ma daħlux ġewwa fil-pretorju ta’ Pilatu biex ikunu jistgħu jagħmlu l-ikla tal-Għid. Għaldaqstant skont Ġwanni, Ġesù jmut fil-ħin li fit-tempju jinqatlu l-ħrief biex b’hekk ippoġġi lil Kristu bħala l-ħaruf vera li agħmel offerta vera ta’ sagrifiċċju lill-Missier.

Il-Messaġġ li bih joħorġu l-evanġelisti huwa wieħed ċar: Kristu Ġesù li jagħti ħajtu b’fidwa għal kulħadd. F’dan il-kuntest għandna npoġġu l-ikla tal-Għid il-Ġdid – il-Ewkaristija. Fl-Ewkaristija, Ġesù, b’mod misterjuż u reali, jerġa jġedded l-għotja tiegħu lill-Missier. F’kull Ewkaristija li niċċelebraw, aħna nkun preżenti għall-offerta tal-ħaruf t’Alla li jneħħi d-dnub tad-dinja. Ġesù fl-aħħar ikla tiegħu tagħna lilu nnifsu b’mod sħiħ biex bħalu aħna ningħataw lil xulxin.

RIFLESSJONI GHALL-ĦAJJA TIEGHI

L-Ewkaristija hija ċelebrazzjoni tal-Għid ta’ Kristu ; tifkira ħajja tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. X’misteru kbir niċċelebraw kull darba li nersqu għall-Ewkaristija! Kristu jingħata għalija personali, għotja kbira biex jien nerġa nieħu l-ħajja.

Jien ukoll imsejjaħ biex bħal Kristu nkun għotja lill-oħrajn. Kull darba li nħobb lil ta’ madwari nkun qiegħed nagħti lili nnifsi. Bħal Kristu jiena msejjaħ biex naħfer lil min jagħmilli l-ħsara. Kristu Ewkaritija huwa mudell ħaj ta’ kif irid ngħix. Nistaqsi lili nnifsi:
- Kemm inħobb fil-familja tiegħi kif iridni Kristu ?
- Ġesù ta lil ġismu b’ikel: kemm jien qiegħed nagħmel bħalu li nsir ikel ħajja fis-solidarjetà li nuri ma’ ta’ madwari ?
- Kemm qiegħed nagħti importanza lill-Quddiesa tal-Ħadd ? u kif qiegħed ngħix wara li nirċievi l-Ewkaristija ? Qiegħed inkun mera ta’ dak li nkun irċievejt ?
- L-ewwel Insara kienu qalb waħda u ruħ waħda jaqsmu l-Ħobż: kemm jien qalb waħda ma’ dawk li ngħix magħhom u ma dawk li huma l-aktar fil-bżonn ?

TALBA

Mulej Ġesù, int iċċelebrajt l-Għid ma’ ħbiebek u fl-aħħar int stess sirt l-Għid veru tagħhom; iftħilna qalbna biex nagħrfuk fl-Ewkaristija u nsiru għotja għal ħutna l-bnedmin. Ammen.

L-AĦĦAR POSTS