GIMGHA MQADDSA - HSIBIJIET TAL-GURNATA

ĦSIBIJIET GHAR-RIFLESSJONI GHALL-ĠIMGHA MQADDSA
Dun George Schembri

L-GHID IL-KBIR

Kristu qam mill-imwiet. Bil-mewt tiegħu rebaħ il-mewt u ta l-ħajja lill-mejtin.
(Liturġija Biżantina, Troparju ta’ l-Għid.)

IL-KUNTEST TA’ DAN IL-VERS

Għalkemm il-Knisja hija waħda imma fiha nsibu diversi riti (modi diversi ta’ qima). Aħna nappartjenu għar-rit Latin. Fil-Liturġija tar-rit Biżantin, insibu dan il-vers miktub f’wieħed mill-innijiet li jintużaw għall-Ħadd il-Għid. Dan huwa vers li jiġbor dak li ċċelebrajna din il-ġimgħa u li llum ilħaqna il-qofol tiegħu.
Il-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet huwa l-qofol tal-fidi tagħna. L-insara tal-bidu kienu jagħtuha importanza kbira tant li emmnuha u għexuha bħala verità fiċ-ċentru ta’ twemminhom. Il-Knisja, tul iż-żminijiet, dejjem qalet li il-qawmien ta’ Ġesù hija verità fundamentali.
Il-Misteru tal-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet hu fatt reali miktub fit-Testment il-Ġdid. Fix-xena ta’ din il-ġrajja kbira l-ewwel fatt li niltaqgħu miegħu huwa l-qabar vojt. San Luqa fl-Evanġelju jikteb : “Il-għala qegħdin tfittxuh qalb il-mejtin dak li hu ħaj? Mhux hawn, irxoxta?” (Lq 24,5-6). Il-qabar vojt waħdu m’huwiex prova diretta, imma hu sinjal essenzjali għal kulħadd. Is-sejba tal-qabar vojt kien l-ewwel pass għad-dixxipli biex jagħrfu l-fatt tal-Qawmien mill-imwiet. L-ewwel li sabu l-qabar vojt kienu nisa (ara Lq 24,3. 22-23) imbagħad San Pietru (ara Lq 24,12). Meta ra il-qabar vojt, “id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù” jgħid li meta daħal fil-qabar vojt, “il-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm” (Ġw 20,6), imbagħad jesprimi li huwa “ra u emmen” (Ġw 20,8).
Id-dehriet ta’ Krist irxoxt huma prova oħra tal-qawmien. Marija ta’ Magdala u n-nisa l-oħra li marru bil-fwejjaħ biex jidilku Ġisem Ġesù midfun bl-għaġla l-Ġimgħa filgħaxija għax kien wasal jum is-Sibt; kienu l-ewwel nies li ltaqgħu ma’ l-Irxoxt. B’hekk kienu n-nisa l-ewwel ħabbara tal-Qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet lill-Appostli. San Pietru ra ‘l Kristu rxoxt qabel l-appostli l-oħra. L-Appostli huma x-xhieda ewlenija tal-Knisja. Iżda mhux l-appostli biss huma xhieda tal-Qawmien ta’ Ġesù. San Pawl fl-ewwel ittra lill-Korentin isemmi għadd ta’ aktar minn ħames mitt aħwa li Kristu kien dehrilhom (1 Kor 15,4-8).
Fit-Tħabbira ta’ l-Għid (fl-Exultet) id-djaknu jew il-qassis jkanta, “Hieni tassew dan il-lejl li hu waħdu jaf is-siegħa u l-waqt tal-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.” Fil-fatt ebda bniedem ma ra l-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet u ebda Evanġelista ma ddeskrivieh. Ħadd ma jista’ jgħid kif seħħ fiżikament il-Qawmien mill-imwiet.

Il-Qawmien mill-imwiet hu fatt storiku, ippruvat mill-qabar vojt u mill-laqgħat tassew ta’ l-Appostli ma’ Kristu Rxoxt, iżda jibqa’ dejjem fil-qalba tal-Misteru tal-fidi. Hu għalhekk li Kristu Rxoxt ma deherx lid-dinja (ara Ġw 14,22) imma lid-dixxipli, jiġifieri lil dawk li jemmnu.
San Pawl jikteb, “Jekk Kristu ma kienx imqajjem mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna u fiergħa ukoll il-fidi tagħkom” (1 Kor 15,14). Il-qawmien mill-imwiet qabel xejn jagħti xhieda ta’ kull ma Kristu għamel u għallem u b’hekk aħna li jemmnu ikollhom mudel fuq xiex nimxu. Dan huwa sinjal tal-ħajja l-ġdida għax hekk “kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna wkoll ngħixu ħajja ġdida” (Rum 6,4). Din il-ħajja ġdida tikkonsisti fir-rebħa fuq il-mewt tad-dnub u fit-tisħib mill-ġdid fil-ħajja tal-grazzja bħala ulied Alla.

RIFLESSJONI GHALL-ĦAJJA TIEGHI

Illum intennu innu ta’ ferħ lil Mulej li rebħa fuq id-dnub. Jien nixtieq li nwarrab id-dnub minn ħajti. Irid inħares lejn Kristu li qam mill-mewt biex jgħix għal dejjem. Fih ħajti tagħmel sens. Fih biss insib il paċi u l-veru ferħ. Nistaqsi fejn hu l-ferħ ta’ qalbi.

- Kristu Irxoxt kun int il-paċi tiegħi
- Kristu Irxoxt kun int il-ferħ tiegħi
- Kristu Irxoxt kun int id-dawl tiegħi
- Kristu Irxoxt kun int l-qawwa tiegħi
- Kristu Irxoxt kun int l-konsolazzjoni tiegħi
- Kristu Irxoxt kun int il-maħfra tiegħi
- Kristu Irxoxt kun int l-imħabba tiegħi

Mill-lum irid inħares lejn Ġesù bħala s-sid ta’ ħajti. Fih biss nsib s-sens f’din id-dinja. Minn issa nibda ngħix il-ħajja ta’ dejjem meta :

- Kristu jgħix fija biex inħobb
- Kristu jgħix fija biex naħfer
- Kristu jgħix fija biex nagħder
- Kristu jgħix fija biex biex nagħmel l-kuraġġ lil ta’ madwari
- Kristu jgħix fija biex biex innissel il-ferħ
- Kristu jgħix fija biex nibni soċjetà fuq il-ġustizzja
- Kristu jgħix fija biex biex napprezza l-imħabba tal-familja u naħdem għall-għaqda
- Kristu jgħix fija biex nifhem lil min hu mdejjaq.
Illum Kristu Rxoxta f’qalbi… irid inwasslu lid-dinja ta’ fejn ngħix u naħdem bil-ferħ ta’ qalbi. B’leħen kollu tama ngħajjat: Hallelujah !

TALBA

Ħa jgħollu l-insara b’tifħirhom
il-Vittma tal-Għid :
għax feda l-Ħaruf in-nagħaġ tiegħu
mill-jasar tal-mewt ;
Ġesù reġa’ ħabbeb
il-midneb ma’ Alla l-Missier.
F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja
Inqerdet il-Mewt;
U qam sid il-ħajja mill-qabar isaltan rebbieħ
Għidilna, Marija, ħabbrilna
Fit-triq lil min rajt ?
‘jien rajt qabar Kristu li rxoxta
Fis-sebħ tal-qawmien ;
Rajt l-Anġli li ġew jagħtu xhieda
Il-faxxa, il-liżar.
Irxoxta mill-mewt Kristu Sidi
Li fih ittamajt !
Mar hu l-Galilija qabilkom
Hemmhekk se tarawh.’
Oh, nemmnu li llum Kristu rxoxta
Tassew mill-imwiet
Int mela, Sultan, ħenn għalina,
O Kristu rebbieħ.
Ammen. Hallelujah !
(Sekwenza tal-Għid il-Kbir)

L-AĦĦAR POSTS