GIMGHA MQADDSA - HSIBIJIET TAL-GURNATA

ĦSIBIJIET GHAR-RIFLESSJONI GHALL-ĠIMGHA MQADDSA
Dun George Schembri

SIBT IL-GHID

Ġesù Kristu niżel fil-Limbu.
(vers mis-Simbolu [il-Kredu] tal-Appostli)

IL-KUNTEST TA’ DAN IL-VERS

Dan il-jum għandu qawwa kbira li mhux dejjem nifhmuha. Il-Knisja fid-dinja kollha tistenna fis-skiet l-qawwa tal-Mulej Rxoxt. Huwa jum importanti għax fih naraw li Kristu sar xebħ magħna l-bnedmin anke fil-mument tal-mewt, ir-realtà siekta tal-mistrieħ. Din ir-realtà Kristu bidilha f’ħajja ġdida.
It-Teoloġija ta’ dan is-Sibt qaddis hija waħda profonda u kbir, tant li huwa impossibli li narawha hawn. Madanakollu nixtieq li r-riflessjoni tagħna tkun fuq silta ċkejkna mill-Kredu tal-Appostli fejn nistqarru : Ġesù Kristu niżel fil-Limbu.
Lum bosta jistaqsu: Xi jfisser dan kollu? Mela il-limbu jeżisti? Imma x’inhi r-realtà vera ? Huwa tajjeb li f’dan is-skiet nsiru nafu aktar dak li nemmnu bħala Knisja, ukoll li fil-ħajja tagħna nirriflettu fuq ir-realtà tal-mewt li twassal għall-qawmien.

San Pawl fl-ittra tiegħu lil Efesin jistqarr : “Ġesù niżel fl-inħawi l-aktar t’isfel ta’ l-art. Dak li niżel huwa dak li tela’” (Ef 4,9-10). Is-Simbolu ta’ l-Appostli, magħruf fostna bħala l-Kredu tal-Appostli, jistqarr l-inżul ta’ Kristu fil-limbu u Qawmien tiegħu mill-imwiet fit-tielet jum. Dan jgħidu biex juri biċ-ċar li fl-Għid tiegħu, mill-fond tal-mewt, huwa fawwar il-ħajja. Fil-Liturġija tal-Knisja, f’Sibt il-Għid, Fit-Tħabbira ta’ l-Għid (fl-Exultet) id-djaknu jew il-qassis jkanta : “Kristu Ibnek meta qam mill-imwiet xerred id-dawl u s-sliem fuq il-bnedmin kollha u issa jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem. ”
Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika jgħallem li t-Testment il-Ġdid spiss jgħid li Ġesù “qam mill-imwiet” (Atti 3,15; Rum 8,11; 1 Kor 15,20): dan il-kliem jissoponi li Ġesù qabel irxoxta kien
f’post l-imwiet (ara Lh 13,20). Ġesù ra l-mewt bħalma jarawha l-bnedmin kollha, u ssieħeb magħhom b’ruħu f’art il-mejtin.
Id-Differenza li għamel Ġesù hija waħda fundamentali : Meta niżel hemm hu niżel bħala Salvatur, biex iħabbar il-Bxara t-Tajba lill-erwieħ li kienu magħluqa hemm (ara 1 Piet 3, 18-19).
Art l-imwiet fil-Bibbja tissejjaħ bħala “qiegħ l-art”, “post il-mejtin” jew “l-inħawi l-aktar t’isfel ta’ l-art.” il-Lhud kienu jgħidulu bħala “xeol” u l-Griegi “hades”. It-tradizzjoni Maltija ta’ dawn il-kliem hija “limbu”. Dan il-post jissejjaħ “limbu” għax skont l-Iskrittura dawk kollha li kienu jinsabu hemm ma kinux jaraw ‘l Alla (ara Salm 6,6; 88,11-13). Il-Knisja fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika (633) b’referenza għall-Iskrittura Mqaddsa tgħid li “ Din kienet il-qagħda tal-mejtin kollha, tajbin u ħżiena huma u jistennew il-Feddej (ara Salm 89,49; 1 Sam 28,29; Eż 32,17-32). ”
L-Iskrittura Mqaddsa tgħid li “l-Evanġelju ġie mħabbar lill-mejtin ukoll...” (1 Piet 4,6). Għalhekk bl-inżul fl-art il-mejtin seħħet it-tħabbira tal-Evanġelju tas-salvazzjoni fil-milja kollha tagħha. Dan huwa waqt importanti fil-ħajja ta’ Kristu li forsi ma tantx inħarsu lejh. Din hija l-aħħar tarġa tal-missjoni messjanika ta’ Ġesù, “fażi qasira fiż-żmien iżda tassew wiesgħa fit-tifsir għax il-ħidma tal-fidwa tilħaq il-bnedmin kollha ta’ kull żmien u ta’ kull post: dawk kollha li salvaw ħadu sehem mill-Fidwa.” (Ara Il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika 634)
RIFLESSJONI GHALL-ĦAJJA TIEGHI
Nixtieq li nagħtu ħarsa lejn Omelija antika ħafna u importanti li bħal lum is-saċerdoti jitolbu fil-Liturġija tas-Sigħat (fil-Brevjar). Dan l-awtur mhux magħruf jikteb hekk :
Illum fid-dinja waqa’ skiet kbir; skiet kbir, imbagħad solitudni; skiet kbir għax is-sultan raqad; l-art twerwret u siktet għaliex Alla magħmul bniedem raqad u qajjem lil dawk li kienu ilhom ħafna reqdin.....Hu mar ifittex l-ewwel missier tagħna, li kien qiesu n-nagħġa mitlufa. Iva, ried iżur lil dawk li kienu fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt; iva Alla, u Ibnu, mar iħoll l-irbit tat-tbatija lil Adam l-imjassar u lil Eva l-imjassra... “Jiena hu Alla tiegħek li minħabba fik sirt ibnek. Stenbaħ li int rieqed għax jien ma għamiltekx biex tibqa’ marbut f’art l-imwiet. Qum mill-imwiet; jiena l-ħajja tal-mejtin”.
Xi kliem sabiħ li juri x’messaġġ kbir għandu Kristu għalina. J’Alla li kull waqt ta’ ħajjietna nisimgħu dan il-Kliem: “Jiena hu Alla tiegħek li minħabba fik sirt ibnek. Stenbaħ li int rieqed għax jien ma għamiltekx biex tibqa’ marbut f’art l-imwiet. Qum mill-imwiet; jiena l-ħajja tal-mejtin”.
Illum ma’ nidfen ma’ Kristu l-ħażen tiegħi biex mat-tbexbix tal-għodwa nqum ma’ Kristu għal ħajja :
- Illum ma’ nidfen ma’ Kristu l-qerq li wettaqt f’ħajti
- Illum ma’ nidfen ma’ Kristu l-gideb u nuqqas ta’ verità
- Illum ma’ nidfen ma’ Kristu l-ħsibijiet kontra s-safa
- Illum ma’ nidfen ma’ Kristu l-kliem dispreġjattiv fuq Alla u l-proxxmu
- Illum ma’ nidfen ma’ Kristu n-nuqqas ta’ fiduċja
- Illum ma’ nidfen ma’ Kristu n-nuqqas ta’ mħabba lejn ħaddieħor
- Illum ma’ nidfen ma’ Kristu t-telqa u l-indifferenza
- Illum ma’ nidfen ma’ Kristu l-kliem żejjed fuq il-proxxmu
- Illum ma’ nidfen ma’ Kristu l-kilba għall-poter u l-flus u l-pjaċiri bla rażan
- Illum ma’ nidfen ma’ Kristu l-egojiżmu u l-jien tiegħi
Ħalli lil Kristu jgħidlek : “Qum mill-imwiet; jiena l-ħajja tal-mejtin”.

TALBA

O Kristu, ħajja tal-mejtin, nifs ġdid tal-midimbin, idfen l-attitudnijiet ħżiena tiegħi u qajjem fija ruħ safja u qaddisa. Ammen.

L-AĦĦAR POSTS