GIMGHA MQADDSA - HSIBIJIET TAL-GURNATA

ĦSIBIJIET GHAR-RIFLESSJONI GHALL-ĠIMGHA MQADDSA
Dun George Schembri

ĦAMIS IX-XIRKA

Qabel il-festa ta' l-Għid, billi kien jaf Ġesù li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar. [Ġw:13:1]

IL-KUNTEST TAS-SILTA

Permezz ta’ dan il-kapitlu, l-evanġelista Ġwanni jiftaħ it-tieni parti tal-Evanġelju tiegħu. Jekk l-ewwel parti jissejjaħ il-Ktieb tas-Sinjali, minn kapitlu tlettax ’il quddiem jissejjaħ il-Ktieb tal-Glorja, glorja li tilħaq il-qofol tagħha fuq is-Salib, meta Kristu jrodd ruħu. F’dan l-isfond, aktar ma toqrob il-glorja ta’ Ġesù, aktar ma jaħseb fuq ir-ritorn tiegħu għand il-Missier, aktar jħoss li għandu jesprimi b’mod sħiħ imħabbtu lejn id-dixxipli tiegħu.
Wara li l-awtur jsemmi l-imħabba li Ġesù għandu lejhom, issemmi lil Ġuda u l-ħsieb tat-tradiment li laħaq daħallu f’rasu. Kollox kellu jseħħ matul dik l-ikla bejn dawk li hu “ħabbhom għall-aħħar.” Dan il-kuntest juri għaqda intima bejn Ġesù u ħbiebu, tant li tagħtihom identità li tpoġġihom fuq livel wieħed. Lil Ġuda, Ġesù afdah tant li daħlu f’dak il-lejl importanti fejn wettaq l-ogħla ikla bejn l-aħwa. Madanakollu, għalkemm ħabbu għall-aħħar, għażel li joħroġ ’il barra mill-imħabba u jħalli lil sħabu barra minn ħajtu.
F’dan il-kuntest ta’ intimità li Ġesù jagħti kliem ta’ mħabba u jagħmel ġesti li jseprimu l-mod kif hu “ħabbhom għall-aħħar.” B’hekk faċli nifhmu xi jfisser tassew l-ħasil tar-riġlejn u d-diskors li jagħmel fuq kif għandhom iħobbu lil xulxin.

RIFLESSJONI GHALL-ĦAJJA TIEGHI

Ġesù ħabbni għall-aħħar. Kemm hi ħaġa kbira li Hu jagħti ħajtu għalija. Imma jien faċilment li mmur ’il bogħod minnu. Faċilment ma ħalliehx jaħsilli saqajja. Faċilment nittradih u ngħidlu li f’ħajti ma rridux. Kull darba li ma nħobbx lil Ġesù, kull darba nimxi ’l bogħod mill-imħabba. Kif nista’ nerġa nibda nħobbu? X’għandi nagħmel?
Inħobbu jfisser li f’ħajti nagħmel dejjem li jrid hu:
- Billi nħobb b’qalbi kollha lin-nies ta’ madwari.
- Billi naħfer lil min jonqosni
- Billi ngħid kelma tajba lil min hu mnikket
- Billi nagħmel kumplament b’kelma jew azzjoni lil dawk li nħobb
- Billi noffri l-id il-leminija f’ħidma soċjali favur soċjetà ġusta
- Billi naqbeż għal min hu dgħajjef
- Billi nkun fomm għal min ma jinstemax
- Billi nuża t-talenti tiegħi
U ħafna azzjonijiet żgħar oħra biex bihom nerġa nħobb lil Ġesù.
Illum, f’Ħamis ix-Xirka, Ġesù waqqaf is-sagramenti tal-Ewkaristija u tas-Saċerdozzju. Mingħajr dawn is-sagramenti, l-Knisja ma teżistix. Is-saċerdot iġib fostna lil Ġesù fl-Ewkaristija biex
kuljum ngħixu mill-ġdid l-misteru tal-Fidwa tagħna. Kemm qiegħed Naprezza dak li Ġesù għamel għalija? Biex nibqa’ ngħix fl-imħabba tiegħu, Alla tani lil Ibnu ħaj bħala Ħobż tas-Sema u l-persuna tas-saċerdot bħala sinjal tal-ħajja ta’ dejjem.

TALBA

O Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, għajn ta’ kull imħabba u ħniena, ħares ħarsa lejna u agħmel li qalbna tibqa’ dejjem miegħek ħalli nkunu dawl ġdid fis-soċjetà tagħna. Kun Int il-qawwa tagħna biex inħobbu kull meta m’hemmx imħabba u npoġġu l-imħabba ’l fuq minn kull differenzi li jista’ jkun hemm bejnietna l-bnedmin. Nitolbuk Mulej għas-saċerdoti tagħna biex ikunu sinjal ħaj tal-imħabba tiegħek u strument ieħor ta’ kif l-Ewkaristija jwassluhaw wkoll bil-kelma u bl-eżempju tagħhom. Ammen.

L-AĦĦAR POSTS