ĠIMGHA MQADDSA - HSIBIJIET TAL-GURNATA

ĦSIBIJIET GHAR-RIFLESSJONI GHALL-ĠIMGHA MQADDSA
Dun George Schembri

IT-TLIETA TAL-ĠIMGHA MQADDSA

Wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li Ġesù kien iħobb, kien maġenbu fuq il-mejda, b'rasu ma' sider Ġesù. [Ġw:13:23]

Ġuda ħa l-biċċa ħobż u daħal fih ix-Xitan. Qallu Ġesù: "Dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx." [Ġw:13:27] … Dak, wara li ħa l-biċċa ħobż, minnufih ħareġ 'il barra. Kien billejl. [Ġw:13:30]

IL-KUNTEST TAS-SILTA

Fl-Evanġelju tiegħu, San Ġwann jagħtina ħafna kuntrasti. Insibu l-kuntrast bejn id-dawl u d-dlam, bejn id-dinja u d-dixxiplu, bejn Il-Lhud li ma jaċċettawx lil Ġesù u dawk li jemmnu fih. Minn kapitlu 13 ’il-quddiem tar-Raba’ Evanġelju, niltaqaw ma’ diversi kuntrasti li bihom l-evaġelista juri li s-siegħa ta’ Ġesù kienet waslet, dik is-siegħa li fiha hu kellu jidher bħala s-sultan.

Kuntrast qawwi li jidher huma l-figuri tad-Dixxiplu l-Maħbub u ta’ Ġuda l-Iskarjota. Id- Dixxiplu l-Maħbub, huwa deskritt fil-Evanġelju bħala dak li “Ġesù kien iħobb”. l-persuna ta’ dan id-dixxiplu dejjem qanqlet kurżita fost l-istudjużi. Insibu ħafna studji li jippruvaw jiddentifikaw l-identità ta’ dan id-dixxiplu. Hu min hu dan id-dixxiplu, xorta jagħtina risposti ċari ħafna ta’ x’attitudni wieħed irrid ikollu dak li jrid jimxi wara Ġesù. L-evanġelista jgħidilna li l-posizzjoni fiżika tiegħu waqt l-ikla kienet “b'rasu ma' sider Ġesù” u din turi s-sens kbir ta’ aċċettazzjoni u radikalità li d-dixxiplu għandu flimkien mal-imħabba u r-rieda li jagħmel dak li Ġesù jixtieq minnu. Din ir-relazzjoni tad-Dixxiplu l-Maħbub hija mera tar-relazzjoni li hemm bejn Il-Missier u l-Iben. Fil-lingwa oriġinali (i.e. fil-Grieg) insibu l-istess deskrizzjoni bl-użu ta’ l-istess kliem – tradizzjoni simili għall-oriġinal tkun: “L-Iben li ħareġ minn ħdan il-Missier” (1,18) u d-dixxiplu li qiegħed isserraħ “b’rasu ma’ ħdan Ġesù”

Minn naħa l-oħra, Ġuda huwa l-bniedem li qatt ma jserraħ rasu ma’ ħdan Ġesù. Huwa l-bniedem li dejjem iġġorr ma’ ismu l-attitudni tiegħu: “dak li tradih.” Huwa l-bniedem tal-lejl; il-mument meta d-dalma (il-ħażen) tispikka. Il-lejl, skont San Ġwann, huwa l-ħin meta s-setgħa tad-dlamijiet jaħdmu. B’kuntrast ma’ dan, Ġesù jibqa’ “id-Dawl” li jdawwar qlub id-dixxipli tiegħu. B’dan kollu f’moħħna, meta l-evanġelista jikteb, “u kien bil-lejl” qiegħed joħloq spazju teoloġiku aktar milli kronoloġiku, biex jagħti spazju ħalli l-qarrej jieqaf u jaħseb fuq il-ġlieda bejn in-nhar (id-dawl) u il-lejl (id-dlam). Din il-battalja tintrabaħ meta Kristu fuq is-Salib, meta jrodd ruħu lill-Missier.

RIFLESSJONI GHALL-ĦAJJA TIEGHI

L-Evanġelju jippreżentalna żewġ fiġuri importanti: Id-Dixxiplu l-Maħbub u Ġuda l-Iskarjota. Ma’ min se nqabbel lili nnifsi? Ma’ minn iħobb id-dawl jew ma’ min jgħix fid-dalma tad-dnub? Ma’ min jistrieħ fuq ħdan Ġesù jew ma min jinstab ’il bogħod minnu?

Fil-ħajja tiegħi xi drabi jkun ’il bogħod min Kristu meta ma nagħmilx ir-rieda tiegħu.
- Kemm nagħti każ tal-Kelma t’Alla li tgħidli biex nagħżel dejjem li nagħmel is-sewwa, li nħobb, li ma niġġudikax, li naħfer, li ngħin?
- Kemm infittex li nkun dawl għal ħaddieħor, bl-eżempju u bil-kliem li ngħid?
- Kemm jiena persuna li hi ta’ min jafdani, bil-kliem li ngħid u bl-eżempju li nagħti?

TALBA

Mulej Ġesù, inti d-dawl veru li jeqred id-dnub, agħtini l-kuraġġ biex bħalek insiru dawl għal ħaddieħor, biex inkun bnedmin li nfittxu dejjem il-ġid ta’ ħutna u biex qalbna tibqa’ tistrieħ mal-qalb tiegħek. Ammen.

L-AĦĦAR POSTS