ITTRA PASTORALI FL-OKKAŻJONI TAL-EWWEL ŻJARA F’MALTA TAL-Q.T. IL-PAPA BENEDITTU XVI

“Jeħtieġ iżda li naslu fi gżira” (Atti 27,26)

Għeżież uliedna,

Bħalma aħna dejjem emminna li n-nawfraġju u l-miġja tal-Appostlu Missierna San Pawl fostna ma seħħewx b’kumbinazzjoni, hekk illum inħossu li żjara pastorali fostna tal-Papa Benedittu XVI tistax tkun providenzjali għal pajjiżna.

Lill-Maltin u lill-Għawdxin ta’ elfejn sena ilu Pawlu, permezz tal-predikazzjoni tiegħu u tal-waqfa tiegħu fil-gżejjer tagħna, laqqagħhom ma’ Ġesu’ Kristu u permezz tal-Evanġelju nissel it-tama nisranija fi qlubhom. Quddiem din iż-żjara tal-Papa fostna, u biex din il-ġrajja ma tkunx ċerimonjali biss, ikun tajjeb nieqfu u nistaqsu. Fejn qeg]din bħalissa fil-fidi tagħna u fiex qed jissarraf l-Evanġelju li rċevejna tant żmien ilu u li tul l-istorja sawwar l-identità u t-tradizzjonijiet tagħna? Aħna m’għandniex dubju li jekk niftħu qalbna għal din l-okkażjoni, jistax jkun għalina mument ta’ grazzja li jwettaqna u jsaħħaħna fil-fidi.

L-Għażliet li għandna quddiemna

Bħala isqfijiet ta’ dawn il-gżejjer, dan l-aħħar sikwit tlabniekom tieqfu ftit u tixtarru sewwa l-għażliet li bħala Knisja u bħala soċjetà għandna quddiemna llum. Pietru lill-ewlenin insara kien talab minnhom li “jkunu dejjem lesti li jagħtu tweġiba lil min jistaqsihom ir-raġuni tat-tama li għandhom” (1 Pietru 3, l5). M’hemmx dubju li s-suċċessur ta’ Pietru biż-żjara tiegħu ser jitlobna xi ħaġa simili, iktar u iktar illum meta qegħdin f’dinja li sikwit titlobna nagħtu raġuni għat-twemmin tagħna.

Aħna konvinti li l-Papa, mhux biss bil-kelma li ser jaqsam magħna, imma wkoll bl-ispiritwalità tiegħu, jistax jqajjem ħafna mistoqsijiet fina u fostna dwar Kristu u l-messaġġ tiegħu. Aħna nħeġġu lil kulħadd, kemm lil dawk li qed jagħmlu mixja ta’ fidi, kemm lil dawk li huma mgħattna taħt it-toqol tad-dubji tal-fidi, biex jagħtu widen għall-messaġġ tal-Papa u ma jibżgħux iħalluh jisfidahom biex ikomplu jfittxu u jagħmlu domandi dwar il-messaġġ ta’ Kristu.

Knisja Pawlina

Pawlu qiegħed il-pedament tal-Knisja ta’ Kristu fil-qalba tal-kultura ta’ ġensna. Missirijietna komplew bnew fuq dak il-pedament. L-istorja millenarja tal-poplu tagħna tixhed li din il-Knisja Pawlina tat servizzi kbar b’risq is-soċjetà Maltija. Ħadd ma jista’ jiċħad li bl-Evanġelju li xandret, il-Knisja għaniet il-kultura tagħna. Illum, meta nħossuna f’salib it-toroq f’tant aspetti tal-ħajja u tal-fidi tagħna, aħna lkoll imsejħin biex il-Knisja ta’ Kristu fostna nagħtuha dehra żagħżugħa u mġedda biex tkun tassew il-Knisja li jrid il-Mulej Ġesù: Knisja li tixbah lill-ewwel komunità nisranija, Knisja mibnija qabel xejn fuq il-Kelma t’Alla u l-Ewkaristija, partikularment l-Ewkaristija tal-Ħadd. Aħna ma rridux Knisja mbeżżgħa, bil-bibien magħluqa. Ma rridux l-anqas Knisja li, kif forsi jaħsbu xi wħud, trid timponi fuq l-oħrajn u fuq is-soċjetà. Aħna rridu Knisja li l-qawwa tagħha ġġibha mill-Kelma ta’ Ġesù u mix-xhieda ta’ dawk li huma tassew konvinti. Irridu Knisja li ma tibżax tiddjaloga mad-dinja u mal-bniedem, hu x’inhu t-twemmin tiegħu jew tagħha.

Mument ta’ Grazzja

Intennu li dan hu mument ta’ grazzja għalina lkoll għaliex, kif iż-żjara ta’ Pawlu fostna tat ruħ lill-qafas soċjali ta’ dak iż-żmien, hekk issa nħossu li din il-waqfa qasira tal-Papa Benedittu fostna tista’ tgħinna niffukaw mill-ġdid fuq il-qalba ta’ dak li dejjem ħaddanna bħala l-fidi tagħna u li llum m’hemmx dubju li jeħtieġ imbuttatura ġdida. Bil-personalità u bil-profondità tiegħu, kif ukoll bl-għarfien profetiku ta’ żminijietna mfisser hekk tajjeb fl-Enċikliċi li hu tana s’issa, il-Papa fostna jista’ jgħinna niftħu għajnejna dwar il-qagħda tagħna llum. Nistennew li l-Papa jurina wkoll id-direzzjoni li jeħtieġ nieħdu biex pajjiżna jkompli jħaddan viżjoni għall-futur li ma tqarraqx, imma li tibqa’ tħares lejn il-fidi nisranija bħala teżor li jgħolli u mhux ibaxxi d-dinjità tal-bniedem u tan-nazzjon tagħna.

Quddiem it-traġedja tan-nawfraġju, il-Maltin laqgħu lil San Pawl, qasmu miegħu fit-tiġrib, u ħabbewh. Fil-baħar imqalleb li għaddejja minnu l-Knisja, u b’mod speċjali l-Papa — fejn hemm min qed jipprova jsikket il-leħen profetiku tiegħu — inħossu li aħna, bħal missirijietna, imsejħin biex nuru mħabbitna u r-rabta tagħna mal-Papa.

Fid-dawl ta’ dan kollu, nistiednu lill-poplu Malti u Għawdxi biex fi tmiem il-ġimgħa li ġejja, nagħtu merħba lil min ġej iżurna f’isem il-Mulej! Inħeġġu lil kulħadd biex jieħu sehem fil-laqgħat li huma mħejjija matul il-jumejn li l-Papa ser ikun fostna.

Billi din iż-żjara hija mument ta’ grazzja, nafdawha f’idejn Ommna Marija u l-Appostlu Missierna San Pawl.

Nagħtukom il-barka pastorali tagħna,

B’rahan ta’ kull ġid mis-sema.

PAWLU CREMONA O.P. - Arċisqof ta’ Malta

MARIO GRECH - Isqof ta’ Għawdex

L-AĦĦAR POSTS