Diskors tal-Arċipriet waqt il-Ħruġ min-Niċċa tal-Bambina 2024

Ritratt mill-paġna tal-Facebook tal-Kolleġġjata ta' Marija Bambina, in-Naxxar

Diskors tal-Arċipriet il-Kan. David Gauci fil-Ħruġ min-Niċċa tal-Istatwa tal-Bambina fis-27 ta’ Awwissu 2024


Meta ġejt biex nikteb dan il-messaġġ annwali tiegħi fl-okkażjoni tal-ħruġ min-niċċa tal-istatwa tal-Bambina biex nagħtu bidu għas-solennità tat-twelid tagħha, ġietni f’moħħi sentenza li kien qal Sidna Ġesù Kristu tul il-ħajja pubblika tiegħu.

Fil-Vanġelu ta’ San Mattew f’kapitlu sebgħa nsibu dan li ġej: “Mhux min jgħidli ‘Mulej, Mulej’ jidħol fis-saltna tas-smewwiet iżda min jagħmel ir-rieda ta’ missieri li hu fis-smewwiet.” Altrimenti jgħidilna: “lilkom qatt ma kont nafkom.”

Dawn il-kelmiet ġegħluni naħseb bil-kbir. Ara ma jkunx hawn xi iblah li jirraġuna u jgħid li diskors bħal dan ma jgħoddx għalih. Ara ma nserrħux moħħna li għax naħdmu għall-festa tal-Bambina l-biljett diġà maqtugħ. U dan qed ngħidu għal kulħadd, saċerdoti u lajċi, jien l-ewwel wieħed mhux billi l-arċipriet.

Ix-xogħol kollu li nagħmel ta’ qassis mhux neċessarjament jgħinni mmur il-ġenna; bħalma ma jgħin lanqas lil dawk kollha involuti fil-festa u lil dawk kollha li jgħajtu ‘viva l-Bambina’.

Ir-rieda ta’ Alla l-Missier nafu li tfisser ħafna iżjed minn hekk.

“Lilkom qatt ma kont nafkom.” Dan il-kliem ta’ Ġesù hu tassew iebes. Qed jirreferi b’mod espliċitu għal dawk li fil-ħajja jaħdmu f’ismu, imma li hu mhux se jagħrafhom, għax min jemmen irid, qabel kollox, ikun ta’ Kristu u fi Kristu.

Meta niġi biex nagħmel l-eżami tal-kuxjenza u npoġġi idi fuq sidri nista’ jien nistqarr bla tlaqliq li jien ta’ Kristu u fi Kristu? Fit-tieġ ta’ Kana, Marija Bambina tatna parir wiehed; agħmlu kulma jgħidilkom Hu. Dan aħna qegħdin nagħmluh? Qegħdin  nobduha lill-Bambina li tant ngħajtu li nħobbu u li ndendlu x-xbieha tagħha mal-gallerija u npoġġu l-istatwa tagħha fit-twieqi ta’ djarna?

Dan id-diskors ta’ Ġesù jfisser li min jixtieq tassew li jidħol fid-dehra tas-saltna ta’ Alla jrid jifhem li mhux biżżejjed jgħid li hu Nisrani biex jikseb is-salvazzjoni. Jekk ma ngħixux dak li nisimgħu u ma jkollniex relazzjoni awtentika ma’ Alla, kollox ikun frugħa, kollox, nifhem ngħid anke kull ħidma tagħna b’risq il-festa u kull sagrifiċċju li nagħmlu.

Bħalma jgħid il-Profeta Koħelet: “frugħa tal-frugħat u kollox frugħa.” Għajb għalina jekk nagħmlu xhur sħaħ naħdmu għall-festa u ma nsibux ħin biex nersqu għal qrara sinċiera u sehem fil-quddiesa. Għajb għalina jekk ma nsibux ħin biex niġu nisimgħu tant tagħlim Marjoloġiku sabiħ fuq il-Bambina tul in-novena, fil-ġranet tat-tridu u waqt il-paniġierku, iktar u iktar meta din is-sena t-8 ta’ Settembru se jaħbat fil-jum tal-Ħadd, jum il-Mulej.

Mhux biżżejjed temmen li int ħabib ta’ xi ħadd biex tkun tasssew ħabib tiegħu. X’jiswa li jien ngħid li ħabib tiegħek, imbagħad qatt ma niltaqgħu, qatt ma nikkomunikaw bejnietna, qatt ma ssibni fil-mument tal-bżonn u l-bqija? Dak x’ħabib ikun?!

L-istess fejn jidħol Alla u l-proxxmu tagħna. M’hemmx relazzjoni vera ma’ Alla u mal-proxxmu jekk ma ninvestux fil-ħin, fl-enerġija fid-dedikazzjoni, fil-kura u fl-attenzjoni. Tnejn li qatt ma jiltaqgħu tassew fil-ħajja ma jistgħux jgħidu li huma ħbieb. U meta qed ngħid jiltaqgħu qed nifhem fil-preżenza fiżika ta’ xulxin u mhux virtwalment fuq il-pjattaforma diġitali.

Din bħall-quddiesa tal-Ħadd: nieħdu sehem fiha fil-knisja, fid-dar ta’ Alla u mhux fuq it-televixin jew il-kompjuter. Ma tistax tibni relazzjoni awtentika ma’ xi ħadd billi ssegwi s-social media u tagħfas like jew inkella billi taqsam xi ħaġa mal-oħrajn bil-post tiegħek.

Fl-istess silta tal-Vanġelu Ġesù jgħidilna li l-bniedem għaqli jibni daru fuq il-blat, għax meta jagħmel hekk hu jkun sigur u lest li jiffaċċja l-inċertezzi tal-ħajja għax ma jserraħx fuq il-forzi tiegħu, imma jafda fuq il-qawwa ta’ Alla.

F’dan it-tagħlim tiegħu, Ġesù qed jagħmel stedina insistenti; il-fidi mhijiex biss xi ħaġa li ssebbaħ il-ħajja, imma l-fidi tagħtina l-okkażjoni li ngħixu u nifirħu b’dak it-tajjeb li ġejna maħluqin għalih.

Għall-grazzja ta’ Alla, aħna, fil-parroċċa għażiża tagħna tan-Naxxar għandna ħafna tajjeb, u dan jagħmlilna kuraġġ, anke l-mod ta’ kif niċċelebraw il-festa titulari tagħna. Marija Bambina għandha tibqa’ l-fattur ewlieni li jgħaqqadna lkoll familja waħda, kbira, veru, u mferrxa f’territorju kbir, imma waħda. Ejjew b’ħajjitna nagħmlu unur lit-titlu li ngħatalna; Kolleġġjata, mela f’komunjoni.

Ippubblikajna l-programm tal-festa; aqrawh, issibu fih tagħrif interessanti dwar kemm ħidma issir fil-parroċċa matul is-sena kollha, kemm proġetti, kemm restawr u fuq kollox kemm spejjeż.

Intom nies intelliġenti u għandkom għajnejn biex taraw. Għandkom moħħ biex tifhmu, u tafu li llum kollox spejjeż kbar. M’għandkom bżonn lill-ebda arċipriet biex joqgħod jitkarrab għall-flus.

Jien nemmen fikom, naf li intom miegħi, u kunu afu kemm jien kburi bikom u għalikom. Inħeġġiġkom ukoll sabiex taqraw il-messaġġ tiegħi fil-ħarġa ta’ In-Nieqa għax-xahar ta’ Settembru li se nippubblikaw fil-weekend li ġej. Il-messaġġ iġib l-isem: “L-Arċipriet qatt ma ssibu mkien”.

Nagħlaq dan il-messaġġ tiegħi billi f’isimkom nagħmel din it-talba;

Mulej, għallimna nilqgħu l-ġrieħi tagħna, id-dgħufija tagħna biex fiha tidher il-qawwa tiegħek. Għallimna niskopru l-wiċċ tiegħek u l-preżenza tiegħek f’ħutna kollha, speċjalment dawk l-aktar dgħajfa. Għallimna nimxu warajk fit-toroq tal-Vanġelu kif imxiet u kif għallmitna ommok u ommna Marija Bambina.

L-AĦĦAR POSTS